Wednesday, July 24, 2024

Sliema Wanderers jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Hibernians ……..0

Sliema Wdrs …..1

Wara t-telfa kontra Floriana, Sliema Wanderers, irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 1-0 biex dawn tal-aħħar   komplew jikkonfermaw sta­ġun mill-aktar diżappuntanti.

Kienet rebħa meritata għall-Wanderers, bl-iskor seta’ kien sa­ħansitra akbar hekk kif fost oħrajn laqtu l-wieqfa, proprju żewġ minuti biss qabel irnexxiel­hom jiskorjaw il-goal tar-reb­ħa.

Huma dehru impostati ferm tajjeb fil-ground minn kull lat, b’Hiber­nians, b’kuntrast għal dan iddiżappuntaw għall-aħħar fejn naqsu milli jkunu avventurużi, hekk kif ħolqu azzjoni waħda biss denja ta’ nota matul id-90 minuta li minnha sabu x-xibka avversarja, iżda l-goal ġie mħassar minħabba li ġie ġġudikat foul fil-proċess. 

Kien biss fid-19-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, bi Sliema Wanderers, ikunu huma li joħolqu l-periklu meta freekick ta’ Joseph Minala, intemm ftit għoli.

Huma komplew fuq l-offensiva u fis-27 minuta Vito Plut kellu xutt djagonali minn ġol-kaxxa li falla l-mi­ra.

Hibernians wieġbu fil-45 minuta u kellhom ferħa bla temma meta Rodney Antwi ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper tal-Wanderers, Ra­shed al Tumi, u tefa’ ġewwa iżda r-referee Alex Johnson innota foul min-naħa tal-is­tess Antwi u b’hekk il-goal ma ġiex konvalidat.

Fit-tieni taqsima, Sliema bdew jipproduċu l-isbaħ logħob u fil-65 minuta, kienu sfortunati li ma fet­ħux l-iskor meta l-iskorer prolifiku Sloven, Vito Plut, kellu x-xutt tiegħu jistampa mal-wieqfa, bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.

Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda, żewġ minuti biss wara meta x-xutt  ta’ DENIS KOUAO ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Paw­list, Ibrahim Kone, isalva bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.

Wara dan il-goal, wieħed stenna li Hibernians jagħ­mlu reazzjoni iżda l-Wanderers ikkontrollaw sal-aħħar.

HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 5-Kurt Shaw, 8-Robert Bairam (13-Zachary Grech 73), 10-Jurgen Degabriele, 11-Bjorn Kristensen, 21-Alex da Silva Souza, 22-Gabriel Izquier Artiles (7-Ayrton Attard 82), 23-Claudio Bonanni, 29-Giannis Bastianos, 77-Rodney Antwi (9-Armen Hovhannisyan 73)   – Coach: Branko Ni­sevic

SLIEMA W.: 22-Rashed Al Tumi, 2-Jean Borg, 6-Joseph Marie Minala, 9-Vito Plut (70-Lydon Micallef 91), Myles Beerman, 15-Gustavo Alcino, 18-Edmond Agius (8-Mark Scerri 73), 20-Denis Koauau, 25-Joachim Adukor (39-Samuel Gomes Da Mata 60), 31-Henrique Freire, 33-Geoffrey Edwin Acheampong – Coach: Paul Zammit

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: Roberto Vella, David Castillo

RABA’ UFF: Slobodan Petrovic

SKORER: D. Kouauo 67 (SW)

AMMONITI: F. Apap, R. Bairam, A. Bruno Da Silva Souza (H), H. Freire, G. E. Achempong (S)

Ekonomija

Sport