Saturday, December 14, 2024

“Smajna leħen in-nies b’differenza minn ħaddieħor li qabiżhom”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bdiet id-diskussjoni fil-Parlament dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex ikunu rrekovati l-Avviżi Legali 161 u 163 tal-2022, li jemendaw ir-regolamenti dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tan-negozji. L-Avviżi Legali jippermettu lill-istabbilimenti madwar il-Belt Valletta jdoqqu l-mużika sas-1.00 a.m.

L-ewwel kelliem kien id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott li qal li l-Oppożizzjoni semgħet leħen in-nies b’differenza minn ħaddieħor li qabiżhom. Qal li kull min nhar l-Erbgħa li ġej se jivvota kontra din il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni jfisser li huma kuntenti bil-liġi kif inhi li mhux qed tfixkilhom. Qal ukoll li tfisser li ma saritx diskussjoni mar-residenti Beltin u ma’ min għandu n-negozju fil-Belt.

Huwa żied jgħid li kien hemm residenti li tkellmu miegħu u qalulu li l-Avviż Legali ħolqilhom ansjetà. Kummenti oħra li qal li rċieva kienu “diżgustanti tisma’ deputati li għadhom kif ġew eletti fl-Ewwel Distrett li ġew iħabbtu l-bieb u issa no comment. Qed nispiċċa norqod wara s-2.00 a.m. u jkolli nqum fil-5.00 a.m.”

Carabott kompla billi staqsa ma’ min saret il-konsultazzjoni u min ta l-parir biex joħorġu dawn l-avviżi legali mil-lejl għan-nhar. Huwa tenna li l-Oppożizzjoni temmen fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. “Nafu li fil-Belt ir-residenti qed jonqsu bin-numri. Però li nagħmlu dan it-tip ta’ liġijiet qed inkomplu nitfgħu l-baħar id-drittijiet u l-karba ta’ dawk li jgħixu fil-Kapitali. Il-Belt Valletta sabiħa ħajja. Ma jfissirx li trid issir storbjuża,” tenna d-Deputat Nazzjonalista.

Ekonomija

Sport