Thursday, December 26, 2024

SMART CITY

Aqra wkoll

Tħabbar li ngħata permess biex jittellgħu lukanda u binjiet residenzjali ġodda fiż-żona llum magħrufa bħala Smart City. Issa, dan kellu jkun l-aqwa proġett għall-futur li qatt sar f’Malta. Fih kellhom jinġemgħu l-aqwa mħuħ tar-riċerka u tal-impriża diġitali biex jagħmlu minn Malta l-fus ewlieni mondjali tagħhom.

Għal snin twal, il-promozzjoni politika dwar Smart City baqgħet iddamdam fl-imħuħ. Il-modi li bihom tmexxiet (u min kien imdaħħal fhiex) baqgħu opaki sal-aħħar. Il-flejjes li ntefqu jew li għaddew minn id għal id… in-nies li kienu mdaħħla… baqgħu mżellġa jew mhux magħrufa. Xejn milli twiegħed ma seħħ.

Fl-aħħar il-bużżieqa ta’ Smart City għotrot għal kollox. Imma l-art li ttieħdet għadha meħuda u bħal f’Tigne, bil-mod issa qed tinbidel f’ “residenzjali”.

Ħaġa stramba kif ma qamu l-ebda għajtiet min-nies illum imħarrġa sew f’kif iqajmuhom, biex issir inkjesta publika dwar l-imbrolju li kienet u għadha Smart City. Ir-raġuni għal dan is-skiet xejn mhi opaka: il-ġrajja ma seħħitx taħt il-gvern ta’ Muscat, boghod minn hekk.

VJOLENZA DOMESTIKA

Igħidulna li l-każi ta’ vjolenza domestika mhux bilfors qed jiżdiedu bir-rata li biha jiġu rrapportati. Biss ma jidhirx li dan hu xi punt stabbilit fuq il-blat samm. Veru, jista’ jkun li l-inċidenti qed jiġu rapportati aktar minn qabel; imma jista’ qed jiġri wkoll li tassew l-inċidenti vjolenti żdiedu, kif nissuspetta li jista’ ġara.

Jekk dan hu minnu, ikun meħtieġ stħarriġ tar-raġunijiet dwar dan – jekk possibilment hux ġej mill-bidliet soċjali qawwija li jikkaratterizzaw lil żminijietna… Madankollu, l-għeruq ta’ din l-imġiba abużiva ilhom qawwija f’kull soċjetà, anke l-aktar waħda li mingħaliha l-aktar żviluppata. Biżżejjed wieħed jiftakar kif l-aktar opra popolari hi “Carmen”.

ĊAQLIQ FL-AFRIKA

L-inkwiet fin-Niger ma jistax jiġi attribwit “biss” lill-“indħil” Russu. Qed jidher sew kemm il-preżenza tal-potenzi tal-Punent fir-realtajiet tal-pajjiżi mifruxa madwar id-deżerti tas-Sahel u ’l ifuq, ma tatx riżultati tajba. Il-faqar baqa’ jikber. Is-sigurtà tal-popolazzjonijiet ma ġietx imħarsa. L-istituzzjonijiet mhumiex jiffunzjonaw kif suppost – mhux l-anqas l-istrutturi militari.

Il-potenzi tal-Punent isostnu li dan ġara minħabba fatturi li jinsabu barra mill-kontroll tagħhom. Huma taw l-għajnuniet kollha possibbli, fi flus, fi proposti għal negozju preferenzjali, f’appoġġ militari dwar sigurtà.

Xorta, parti sostanzjali mill-popli konċernati ma jidhrux konvinti minn dan. Anzi jqisu bil-maqlub. Il-preżenza Russa ma ddejjaqx lil kulħadd.

Meta nqisu r-rwol tal-“Punent” f’din iż-żona li ta’ spiss inżammet imbiegħda mill-għajnejn tal-publiku Ewropew, ma rridux naħsbu biss fil-preżenza tal-istati daqskemm ukoll fil-ħidma tal-kumpaniji tagħhom (bħal tal-minjieri) li ilhom involuti fis-Saħel.

Ekonomija

Sport