Sunday, December 22, 2024

SNAJJA TEKNIĊI

Aqra wkoll

Nisimgħu ħafna dwar xinhuma l-bżonnijiet u l-kisbiet edukattivi tagħna imma ma tantx dwar is-snajja tekniċi li neħtieġu u qiegħdin inrawmu. Filfatt, wieħed jibqa’ bl-impressjoni li ma tantx qed nistmawhom. Veru li l-ħiliet diġitali jieħdu prominenza fil-miri edukattivi, u hekk għandu jkun. Imma mbagħad is-snajja “tekniċi” l-qodma – li huma wkoll  immodernizzaw sew bil-wasla tat-teknoloġija elettronika – donnhom jingħataw priorità ħafna anqas. 

Mhuwiex fenomenu tal-lum biss dan imma qisu jiġi trasmess minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fiż-żmien, l-aqwa mutur biex is-snajja tekniċi jiġu mgħallma f’pajjiżna kienu s-servizzi Ingliżi u t-tarzna li ħarrġu tekniċi Maltin tal-ogħla kalibru. Imma niftakar meta twaqqfet l-ewwel skola sekondarja teknika f’Malta, waħda mill-ewwel kontroversji dwarha kien jekk għandhiex toffri l-Latin bħala suġġett ta’ studju jew le!

Għandna tendenza biex bħala ġens naraw is-snajja tekniċi bħala tat-tieni klassi, mentri pajjiżna – kull pajjiż – jeħtieġhom daqs il-ħobż. Donnha teżisti rassenjazzjoni: jekk fostna hemm nuqqas ta’ ħiliet tekniċi, nimportawhom minn barra!

AKTAR DWAR L-INFLAZZJONI

L-għoli tal-prezzijiet mhux se jitlaq malajr bħala suġġett ta’ kontroversja. Hi inflazzjoni ta’ ftit żmien? – jew se tippersisti? Kif se tibdel id-deċiżjonijiet li qed jieħdu l-banek ċentrali? F’dinja li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir diġitali, kif se jinfirex l-għoli tal-prezzijiet minn settur għal ieħor… u b’liema għaġla?

Għalkemm dawn huma fost il-mistoqsijiet li l-aktar qed jitqajmu, laqtitni  rimarka ta’ ħabib tiegħi – għalkemm wara smajtha wkoll mingħand oħrajn.

Skont dil-fehma, ħaġa stramba f’li qed jiġri hi li bosta huma dawk li qed iqisu l-inflazzjoni bħala żvilupp assolutament ġdid u b’konsegwenzi mhux magħrufa. U veru ilna deċennji issa ma l-għoli fil-prezzijiet iqajjem tħassib fost l-esperti u l-politiċi.

Imma mbagħad l-aqwa regoli tat-tmexijja ekonomika u finanzjarja – speċjalment dawk taż-żona ewro – tfasslu biex irażżnu l-inflazzjoni. Ir-regoli prattikament jinjoraw kull żvilupp li ġie wara.

STRASBURGU

Żgur ħaġa waħda ma tistax tiċħad lill-belt ta’ Strasburgu: li hi belt sabiħa. Il-binja u l-karattru tagħha jilqgħuk.

  L-aqwa problema tagħha hi li aktar iva milli le, trid battikata biex tasal hemm u biex tiġi lura. L-istess nies ta’ Strasburgu jilmentaw minn hekk, mhux l-anqas meta biex imorru vaganza barra jkunu jridu jgħaddu minn Frankfurt.

Biex kollox ikun intqal: l-istess ċittadini tal-belt xejn ma qablu matul is-snin mal-pjani biex l-ajruport tal-belt jitkabbar.

Bużillis f’dan kollu hu li Strasburgu fl-istess waqt tiftaħar li hi l-“kapitali” tal-Ewropa. Wieħed jista’ jaqbel li dan kien minnu meta l-Unjoni Ewropea kienet tikkonsisti minn sitt membri. Mhux issa, li hemm 27.

Ekonomija

Sport