Tuesday, May 14, 2024

Snooker: Jak Jones b’waħda mill-akbar rebħiet tal-karriera tiegħu

Aqra wkoll

Jak Jones kiseb waħda mill-akbar reb­ħiet tal-karriera tiegħu hekk kif għeleb lil Mark Allen 5-4 biex għadda għat-tielet round tat-Turkish Masters li qed isir f’Antalya.

In-numru 48 tad-dinja, Jones, għamel break mill-aqwa ta’ 79 fil-frame deċiżiv biex għeleb lill-player 37 post ogħla iktar minnu fir-rankings, bil-Welshman ikun f’forma konsistenti dan l-istaġun tant li għadda għall-aħħar 32 ta’ tournaments ranking għar-raba’ darba.

“Hija rebħa kbira għalija partikolarment għax fallejt iċ-ċansijiet li nagħlaq il-logħba qabel, iżda mbagħad għamilt break tajjeb fl-aħħar frame,” qal Jones ta’ 28 sena, li pproduċa l-aqwa break ta’ 129 biex bena vantaġġ ta’ 4-2 qabel ma l-avversarju tiegħu rkupra għal 4-4.

Judd Trump kien imbuttat ħafna minn Chris Wakelin iżda rebaħ 5-3 biex waqqaf konfront ma’ Liang Wenbo. L-ogħla break ta’ Trump kien ta’ 47 iżda aċċerta r-riżultat billi rebaħ it-tmien frame li kien skabruż fi 48 minuta, u ħa l-aħjar minn battalja twila ta’ sigurtà fuq il-kuluri. Wakelin għamel break ta’ 113.

Jack Lisowski kiseb rebħa drammatika ta’ 5-4 fuq Martin O’Donnell f’partita li niżlet għas-sewda finali. Iż-żewġ players tilfu ċansijiet fuq is-sewda qabel ma Lisowski ppottjaha biex stabbilixxa konfront ma’ Martin Gould.

Is-sensiela rebbieħa ta’ Joe Perry intemmet hekk kif tilef 5-2 kontra Liang Wenbo, filwaqt li Vafaei rebaħ konfront ta’ kwalità għolja ma’ Ben Woollaston bl-iskor ta’ 5-3, bi breaks ta’ 98, 91, 52, 69 u 70.

Matthew Stevens kellu l-aqwa break ta’ 93 hekk kif rebaħ id-derby ta’ Wales 5-3 kontra Mark Williams, li kienet ripetizzjoni tal-finali tal-Kampjonat tad-Dinja tal-2000.

L-Ukren Iulian Boiko ġie megħlub minn Andrew Higginson 5-1 wara li rebaħ l-ewwel frame, bl-uniku break tal-logħba ta’ 51 jasal fl-aħħar wieħed.

F’logħbiet oħra John Higgins għeleb lil Michael Holt 5-0 bi breaks ta’ 121, 54 u 69 waqt li Holt għamel 66 punt biss fil-ħames frames, Ali Carter għeleb lil Jamie Jones 5-1, Graeme Dott lil Jackson Page 5-2 bi break ta’ 135 u Si Jaihui lil Tom Ford 5-1 b’ħames breaks ta’ 60, 50, 93, 50 u 68.

Sport