Saturday, May 4, 2024

Kampjonat Premier: Floriana v Hibernians l-akbar partita s’issa tal-istaġun

Aqra wkoll

Meta llum u għada tintlagħab it-22 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier li ġġib fi tmiemha l-Ewwel Fażi, bla dubju, l-aqwa partita hija dik bejn it-timijiet li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet, Floriana u Hibernians. 

Barra minn hekk hemm tliet partiti mill-aktar importanti li fihom huma nvoluti l-erba’ timijiet li qed jissieltu għall-post li fadal fiċ-Championship Pool.

Dawn huma Sirens, Gudja United, Valletta u Mosta li żewġ punti biss qed jifirduhom.  

Min-naħa l-oħra, Sliema Wanderers li jinsabu fl-aħħar post u viċin ħafna li jiġu relegati, jilagħbu kontra Hamrun Spartans li qed jissieltu biex jispiċċaw mal-ewwel erbgħa.

Floriana v Hibernians – Bla dubju, din hija l-aqwa partita s’issa tal-istaġun fejn se tlaqqa’ lil-leaders Floriana kontra Hibernians li jinsabu punt warajhom fejn mistennija wkoll tiġbed l-akbar attendenza s’issa lejn l-Istadium Nazzjonali. 

Dan huwa konfront bejn l-aktar żewġ timijiet offensivi fejn s’issa skorjaw 35 goal kull wieħed. 

Il-Greens qabdu r-ritmu fl-aktar mument opportun fejn rebħu disa’ logħbiet mill-aħħar 10 ħarġiet tagħ­hom. 

Min-naħa l-oħra, f’nofs l-Ewwel Fażi Hibernians kienu xxamplati fil-quċċata tal-klassifika bi tmien punti vantaġġ fuq Floriana. Iżda fit-tieni parti tal-Ewwel Fażi dawn tal-aħħar urew konsistenza netta biex ittrasfomaw lilhom infushom bħala wieħed mill-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu. 

Interessanti huwa l-fatt ukoll li l-Greens approfittaw mill-inkonsistenza tal- Pawlisti li fit-tieni parti tal-Ewwel Fażi waqqgħu xejn inqas minn 11-il punt.

B’rebħa Floriana jiftħu vantaġġ ta’ erba’ punti. Iżda rebħa għal Hibs huma xorta waħda jibqgħu fit-taqtiegħa minħabba li jkunu żewġ punti biss wara l-Pawlisti. 

Iż-żewġ timijet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni fejn għal Floriana, Ryan Camenzuli u Oualid El Hasni jirritornaw minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw 0-0.

Birkirkara v Valletta – Birkirkara jiffaċċjaw lil Valletta li jinsabu fit-tmien post u li għandhom bżonn rebħa biex iżommu t-tamiet ħajjin biex jikkwalifikaw għaċ-Championship Pool. 

Iżda d-destin ma jinsabx f’idejhom u għaldaqstant rebħa tista’ ma tfisser xejn. 

Min-naħa l-oħra, Birkirkara, li jinsabu fit-tielet post, għandhom bżonn reb­ħa biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jippruvaw iżommu l-pass ma’ Floriana u Hibernians li nqatgħu għali­hom b’vantaġġ sostanzjali. 

Iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn għall-Istripes jirritorna Cain Attard minn sospensjoni għal Birkirkara.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċw fi draw ta’ mingħajr goals. 

Gudja U. v Mosta – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jissieltu biex itemmu mal-ewwel sitta u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. 

Filwaqt li Gudja ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Gzira United, fl-aħħar partita Mosta tilfu vantaġġ ta’ żewġ goals biex kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 2-2 kontra Valletta.

Mosta se jilqgħu lura lil Clayton Failla u Roderick Briffa minn sospensjoni.

Fl-ewwel round Gudja għelbu lil Mosta 3-0 u għaldaqstant dan huwa l-mument għal tpattija sportiva. 

 Gzira U. v Sirens – Wara żewġ draws u żewġ telfiet, Sirens iridu rebħa kontra Gzira United biex jaċċertaw minn post mat-timijiet elite tal-Premier. 

Mill-erba’ timijiet li qed jikkompetu għal post wieħed fiċ-Championship Pool, Sirens jinsabu fl-aktar pożizzjoni b’saħħitha biex jilħqu l-għan tagħhom.

Iżda quddiemhom huwa għan­d­hom ostaklu diffiċli  filwaqt li jridu jinsew it-telfa diżappuntanti kontra Flo­­riana bl-iskor ta’ 3-0. 

Min-naħa l-oħra, il-Maroons jinżlu għal rebħa biex jibqgħu jżommu “kuntatt” ma’ Hamrun Spartans għal post mal-ewwel erbgħa hekk kif jinsabu żewġ punti warajhom. 

L-uniku player nieqes f’dan il-konfront huwa Ne­vin Portelli ta’ Gzira United għax sospiż. 

Fl-ewwel round il-Ġżirjani għelbu lil Sirens 3-1.

Balzan v St Lucia – Dan huwa konfront dirett bejn Balzan u Sta Lucia, li t-tnejn qed jiġġieldu kontra r-rele­gazzjoni u għaldaqstant jinżlu determinati għal reb­ħa. 

Fl-aħħar ħarġa tagħhom sofrew telfa identika ta’ 1-0 kontra Hibernians u Hamrun Spartans rispettivament. Balzan bħalissa jinsabu erba’ punti fuq Sta Luċija li jinsabu fiż-żona l-ħamra.

Għalhekk, rebħa għal- Luċjani tnaqqas id-distakk għal punt wieħed biss u jiftħu beraħ it-taqtiegħa għas-salvazzjoni.  

Iżda rebħa għal Balzan tkun tfisser li jiftħu vantaġġ ta seba’ punti u għaldaqstant isaħħu ċ-ċansijiet tagħhom li jibqgħu fl-ogħla diviżjoni għalkemm jistgħu jkunu involuti fir-Relegation/Promotion Play-Off. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż … Michael Johnson għal Balzan u Andre Prates għal Sta Lucia.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 3-3. 

Hamrun S. v Sliema W. – Hamrun Spartans jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u fil-periklu li staġun ieħor jilagħbu fiċ-Challenge League. 

Dan minħabba li jinsabu 12-il punt bogħod mis-salvazzjoni meta fadal 18-il punt x’jintlagħbu. Jekk hu­ma jitilfu u Balzan jegħlbu lil Sta Lucia, il-Wanderers ikunu fix-xifer tal-għarqa u wisq probabbli jiġu relegati fil-ġurnata sussegwenti. 

Aktar minn hekk huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Juan Pablo Morales u Oscar Bethancourt filwaqt li Claude Dielna jirritorna għal Hamrun.

Fl-ewwel round l-Ispartans ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.

Sport