Thursday, April 25, 2024

L-APS Bank iħabbar riżultati tajbin għall-2021, IPO għal ishma ġodda u dħul fl-elenku tal-Borża

Aqra wkoll

Il-Bord tad-Diretturi tal-APS Bank plc ltaqa’ fl-10 ta’ Marzu 2022 u approva r-Rapport Annwali u r-Rapporti Finanzjarji Awditjati għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2021. Il-Grupp APS irreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ €24.1 miljun (2020:  €15.8 miljun), żieda ta’ 52.5%, waqt li l-Bank għamel profitt rekord qabel it-taxxa ta’ €23.7 miljun (2020: €15.5 miljun).

F’sitwazzjoni makroekonomika li għadha toħloq sfidi għan-negozji u għall-familji, ir-reżiljenza tal-Grupp u s-saħħa tal-mudell kummerċjali tiegħu reġgħu ħarġu sew bid-dieher f’dawn iż-żminijiet bla preċedent. Dawn ir-riżultati nkisbu fl-istess ħin li l-Grupp APS kompla jsostni l-komunità fuq diversi lati, u jassigura li x-xogħol ma jiqafx u jassorbi l-impatt finanzjarju tal-klima ekonomika attwali. 

Marcel Cassar, Kap Eżekuttiv, ikkummenta hekk: “Huwa bi pjaċir li nħabbru dawn ir-riżultati eċċellenti miksubin f’sena meta l-ekonomija Maltija kienet għadha tissielet biex tadatta għall-parametri ġodda tal-era post-Covid, bl-isfidi kollha li din għadha ġġibilna. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw kemm hu b’saħħtu l-mudell kummerċjali tagħna, li wassalna biex nirbħu sehem akbar mis-suq billi tejjibna s-servizzi u l-prodotti tagħna, elevajna l-esperjenza tal-klijent, u ssoktajna bit-trasformazzjoni strateġika tal-Bank waqt li bqajna ngħinu l-komunità tadatta għan-‘normalità l-ġdida’.  

Fl-istess ħin aħna konxji li għandna inċertezzi ġodda quddiemna, speċjalment minħabba l-kunflitt li qed jevolvi fl-Ukrajna u l-konsegwenzi ġeopolitiċi u ekonomiċi li dan qed ikollu fuq skala globali. Waqt li l-Grupp huwa espost ftit li xejn f’dak ir-reġjun, inkluż fejn jidħlu pagamenti li l-fluss tagħhom jista’ jintlaqat minn deċiżjonijiet ekonomiċi internazzjonali, aħna xorta saħħaħna l-monitoraġġ tagħna tar-riskju u l-osservanza tar-regolamenti skont il-ħtieġa, fost affarijiet oħra billi rfinajna l-kontrolli biex nikkonformaw mas-sanzjonijiet. 

L-2022 hija sena ta’ importanza speċjali għall-APS Bank. Għall-ewwel darba fi storja ta’ 112-il sena l-Bank se javviċina s-suq għal finanzjament ta’ kapital f’ishma. Dan il-pass li ilu mistenni mhux se jittieħed għall-prestiġju imma għax huwa parti integrali minn pjan maqbul ħafna snin ilu mal-azzjonisti li jara li l-Bank jikber ukoll billi jiddiversifika l-bażi ta’ dawk li għandhom sehem fih. Aktar ma mmorru, aktar l-istrateġija tagħna li nkunu fuq quddiem nett bħala bank tal-komunità sar ifisser li nkunu pilastru ta’ appoġġ għan-negozji u l-familji Maltin, kif fil-fatt tixhed l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin. Aħna nistennew bil-ħerqa u bl-ottimiżmu li naraw dan il-proġett importanti jitwettaq b’suċċess fix-xhur li ġejjin.”

Punti ewlenin u indikaturi:


GruppBank

2021202020212020
Profitt qabel it-taxxa (€m)24.115.823.715.5
Dħul nett mill-imgħax (€m)55.448.853.947.7
Dħul mill-operat (€m)63.155.161.954.3
Spejjeż tal-operat (€m)40.633.639.733.2
Dħul/telf nett mill-indeboliment (€m)1.5(5.5)1.5(5.5)
Reġistru tas-self (€m)2,0661,8022,0661,802
Assi totali (€m)2,7952,4212,7732,407
Depożiti tal-klijenti (€m)2,4322,1232,4332,124
Ekwità totali (€m)221206198192
ROAE (%)7.15.17.75.3
Relazzjoni tas-suffiċjenza tal-kapital (%)16.918.816.818.6
Relazzjoni bejn spejjeż u dħul(%)64.360.864.161.2

Biex tara r-Rapport Annwali tal-APS Bank għall-2021, agħfas hawn.

Sport