Neil Robertson għeleb lil Mark Selby għall-ħames darba wara l-oħra hekk kif ir-rebħa 6-3 ratu jkun l-ewwel finalista tal-World Grand Prix li qed issir f’Coventry.
Illum l-Awstraljan Robertson se jiffaċċja lil Ronnie O’Sullivan jew lil Stuart Bingham fuq 19-il frames u rebħa tagħtih it-22 titlu ranking tal-karriera iegħu.
Mindu tilef kontra Selby fil-Crucible fl-2020 Robertson iddomina l-laqgħat ta’ bejniethom meta rebaħ l-erba’ logħba tal-istaġun l-ieħor flimkien ma’ dik li kiseb nhar il-Ġimgħa.
Robertson beda b’saħħtu bi breaks ta’ 82 u 93 meta rebaħ l-ewwel żewġ frames qabel ma Selby rebaħ it-tielet u wara anke kiseb id-draw 2-2 bi break ta’ 67.
Iżda minn hawn ‘il quddiem il-logħba kienet f’idejn Robertson meta rebaħ il-ħames frame b’74 u wara break ieħor ta’ 67 biex mar 4-2 minn fuq.
Is-seba’ frame ra lil Selby jagħmel century ta’ 112 iżda Robertson warrab xi ċans li l-player numru wieħed tad-dinja seta’ jagħmel rimonta meta breaks ta’ 74 u 71 issiġillawlu r-rebħ.