L-attakkant internazzjonali Korean, Son Heung-min, seraq ix-xena fir-rebħa kbira ta’ Tottenham Hotspur fuq Leicester City bl-iskor ta’ 6-2.
Wara li daħal jilgħab fil-post ta’ Richarlison, fid-59 minuta, huwa skorja hat-trick biex sar l-ewwel sostitut li rreġistra trippletta għal Spurs minn Settembru 2015 meta Steven Naismith kien skorja kontra Chelsea.
Il-goals ta’ Son (73, 84, 86) waslu fl-aħħar 17-il minuta biex patta għad-diżappunt mill-bidu tal-istaġun minħabba li ma setax isib ix-xibka avversarja.
It-tliet goals l-oħra ta’ Spurs waslu minn Harry Kane (8), Eric Dier (21) u Rodrigo Bentancur (47).
Iż-żewġ goals tal-Foxes ġew skorjat minn Youri Tielemans (6 pen) u James Maddison (41). Ta’ min jgħid ukoll li l-penalty ta’ Tielemans ingħata darbtejn meta fl-ewwel tentattiv il-goalkeeper Hugo Lloris dawwar f’corner iżda ġie ġudikat li ma baqax fuq il-linja waqt l-eżekuzzjoni tax-xutt.