Sunday, May 5, 2024

FEJN ŻBALJAT U X’MA SEMMIETX VON DER LEYEN

Aqra wkoll

Kif kien mistenni din il-ġimgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, fid-diskors tagħha magħruf bħala ‘L-Istat tal-Unjoni”, kien iffukat fuq l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Gwerra li issa ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar u m’hemm ebda ħjiel meta din se tintemm.   Kien diskors li nemmnu li partijiet minnu xejn ma kienu meqjusin. Anzi, kien diskors li f’partijiet kien intiż biex bħal donnu jispara vleġeġ lejn ir-Russja. M’għandna ebda dubju li fis-sitwazzjoni delikata li tinsab fiha l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, dan hu żball. Mhux biss imma hu żball li jista’ jkollu riperkussjonijiet. 

Qegħdin nirreferu għal meta bdiet tirreferi kif qed jintlaqtu mis-sanzjonijiet ir-Russi. Tiddikjara li “huwa l-Kremlin li wassalhom għal din is-sitwazzjoni. Dan huwa l-prezz li se jkollha tħallas ir-Russja minħabba din il-qerda li qed iwettaq Putin. Issa mhux iż-żmien li nibqgħu nintgħoġbu. Huwa ż-żmien li nkomplu b’determinazzjoni”. F’parti oħra tad-diskors hi tirreferi b’mod dirett għall-President Putin u tiddikjaraw li “Putin se jfalli u l-Ukrajna u l-Ewropa se jmorru minn fuq u se jerbħu”.  Nemmnu li dawn huma dikjarazzjonijiet li mhux se jgħinu biex iż-żewġ naħat jersqu lejn il-paċi. Anzi dawn huma dikjarazzjonijiet li aktar jitfgħu l-ħatab fin-nar.  Fid-diskors tagħha hi ddikjarat li din il-gwerra hi gwerra kontra l-valuri Ewropej, gwerra tal-awtokrazija kontra id-demokrazija. 

Konna nistennew li f’dan id-diskors dejjem meqjus importanti ħafna, von der Leyen titkellem fuq kif id-demokrazija fl-Ewropa tinsab taħt attakk u mhux attakk żgħir. Attakk li proprju ġej minn ġo l-Unjoni Ewropea stess. Qegħdin ngħidu dan b’mod partikolari għal dak li qed jiġri fl-Ungerija fejn il-Prim Ministru Viktor Orban qed ikomplu jżarma id-demokrazija fil-pajjiż. Minkejja dan, u minkejja dak li qed jitwettaq fl-Ungerija fosthom it-theddid fuq il-midja – ir-raba’ pilastru tad-demokrazija,  sa issa dan għadu jipparteċipa b’mod sħiħ fil-Kunsill Ewropew. 

M’hemmx l-Ungerija biss. Hemm ukoll is-sitwazzjoni fil-Polonja fejn il-ġudikatura Pollakka tinsab taħt attakk mill-istess gvern Pollakk. Akkademiċi jispiċċaw il-Qorti sempliċiment għax jattakkaw lill-Gvern. Ma’ dawn imbagħad hemm sinjali oħrajn perikolużi immens għad-demokrazija. Fost dawn hemm l-elezzjoni ġenerali fl-Italja fejn hemm il-possibilità li jkun elett Gvern neo faxxista. Fl-Iżvezja imbagħad rajna kif it-Trumpian Sweden Democrats ġew it-tieni l-akbar partit u saru parti mill-Gvern.

Von der Leyen tista’ tgħid injorat għal kollox dan it-theddid. Illimitat ruħha biss biex tgħid li l-Unjoni Ewropea hi kommessa li tibqa’ tiġġieled id-demokrazija kuljum. 

Hu ta’ dispjaċir u inkwetanti li f’diskors bħal dan, Von der Leyen għażlet li ddawwar wiċċha banda oħra minn fuq dan it-theddid għad-demokrazija. Sa issa qegħdin naraw Unjoni Ewropea li bħal donna qed tinjora dan l-attakk fuq id-demokrazija. Unjoni Ewropea li donnha qed iżżomm lura milli tieħu passi drastiċi biex tħares l-istess demokrazija fl-Unjoni Ewropea u f’dawn il-pajjiżi fejn hemm dan l-attakk. 

Sa issa ma ttieħdu l-ebda passi.  Mhux biss imma l-problema jidher li qiegħda tiġi injorata. Quddiem dan, l-Unjoni Ewropea qiegħda tidher bla snin quddiem dawn ir-reġimi awtokratiċi. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tidher dgħajfa ma’ dawn ir-reġimi awtokratiċi, aktar qed jagħti saħħa lill-istess reġimi u kif qed naraw, aktar qed jikber u jinfirex l-attakk fuq id-demokrazija. 

Sport