Saturday, December 21, 2024

Soru tal-Klawsura jkollha tħalli l-kunvent wara 24 sena

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sejħa biex persuna tiddedika ħajjitha lil Alla bħala soru hija waħda speċjali u li tfajla fl-età tenera ta’ 21-il sena tasal li tħalli lill-familja u kollox warajha biex tidħol fil-Klawsura hija verament virtù ta’ min jammiraha. Is-sorijiet fil-kunventi jsiru familja waħda magħquda u meta xi waħda minnhom tiġi nieqsa jew titlaq, tinħass dieqa ta’ telfa. Hekk ġara fil-każ uniku ta’ Sharlon Bonnici li wara 24 sena Klawsura kellha toħroġ mill-kanċell tal-kunvent u tħalli lis-sorijiet li tant kienet tħobb warajha. F’intervista ma’ Talk.mt hija tirrakkonta din il-firda kiefra minħabba kundizzjoni ta’ saħħa li poġġietha daharha mal-ħajt għax kellha tagħżel bejn il-professjoni solenni u saħħitha. 

‘Ilbieraħ dħakna… illum se nibku’ kien il-kliem li bih is-sorijiet ingħataw l-aħbar mhux mistennija mill-Madre Superjura li Sharlon il-ġurnata ta’ wara kienet se tħalli l-kunvent biex tmur tgħix barra l-konfini tal-bini reliġjuż. “Kelli ġlieda kbira għaddejja ġo fija u ppruvajt minn kollox sa anke mort xahar irtir iżda meta erġajt mort fil-kunvent saħħti reġgħet marret lura. Kien xokk kbir għas-sorijiet u anke għal xi membri tal-familja għax kont żammejt ġo fijja u ma wrejt b’xejn sakemm il-Madre qaltilhom. Ikunu drawk u konna qisna familja imma indunaw li xi ħadd minnhom qiegħed ibati,” bdiet tispjega l-eks soru.

Is-sejħa ġiet waqt quddies fil-kunvent stess 

Sharlon, li rċeviet is-sejħa mill-Mulej proprju waqt quddies maz-zijja tagħha fl-1996 fl-istess kunvent, kienet tfajla mistħija ħafna u magħluqa fiha nnfisha. Meta dan seħħ il-ġenituri tagħha kienu msiefrin u fil-verità hija kienet sabitha pjuttost diffiċli tgħidilhom li trid tmur soru tal-Klawsura. 

“Kont fis-sodda u għajjat għal darba darbtejn lil ommi. Ma stajtx insib il-kliem u bdejt nirtogħod. Ma flaħtx ngħidilha u nfqajt nibki tant li ħasbuni li kont ma niflaħx jew li ġrali xi ħaġa. Domt sena u tmien xhur sakemm fl-aħħar bdejt in-novizzjat u dan minħabba li misssieri riedni nistenna ħalli nkun ċerta li din hija t-triq li ridt nieħu,” irrakkontat din il-mara.

Mistoqsija jekk f’dik l-età kinitx konsapevoli li għall-bqija ta’ ħajjitha bħala soru tal-Klawsura kienet se tkun magħluqa, Sharlon bla tlaqliq qalet li hija kienet ferħana b’din l-għażla. “Anki meta mort, xtaqt li nidħol mill-ewwel u mhux nistenna dak it-tul ta’ żmien. Jien ma kontx tfajla li noħroġ ħafna bħal żgħażagħ oħra u allura l-ġoventù ma ħallejthiex warajja,” kompliet Sharlon.

Hija daħlet bi ħġarha fil-kunvent u hawn sabet sostenn, kif ukoll għajnuna b’imħabba mis-sorijiet kollha li dak iż-żmien kienu jammontaw għal 32 waħda. Din it-tfajla kwieta sabet anke għajnuna biex toħroġ minnha nnfisha u dan billi bdiet tieħu ħsieb reċti u żfin fost l-oħrajn. 

“Tant kont magħluqa fijja nnifsi li jekk xi ħadd kien ikellimni kont nibża’ ħafna. Għall-bidu kont innaddaf u ngħin għal xi siegħa, sagħtejn fil-kċina. Meta ħadt il-professjoni solenni kelli ġurnata fil-kċina u dan sakemm maż-żmien ħadt dan ir-rwol kollu f’idejja minħabba li s-soru l-oħra mardet,” spjegat Sharlon. 

Kundizzjoni ta’ saħħa aggravata mill-għeluq… 

Maż-żmien is-sorijiet bdew jonqsu, uħud minħabba l-anzjanità u oħrajn minħabba li għal xi raġuni jitilqu. Hija qalet li, “daħlu xi disgħa warajja. Għalkemm f’kull komunità jew familja kulħadd ikollu xi nuqqasijiet, konna kuntenti ħafna u l-ħajja fil-kunvent kienet togħġobni. Ħaġa li ma ninsa qatt, però, kienet il-frasi li kien qalli qassis, ‘mhux għax dieħla hemm, kollox se jkun ward u żgħar’ u fil-fatt dan esperjenzajtu meta ġejt dahri mal-ħajt u kelli nitlaq”.

Hija qalet li għall-bidu ħasset ftit in-nuqqas tal-familja tagħha u dan żdied l-aktar wara l-mewt ta’ nannietha u ommha. Din tal-aħħar ħalliet din id-dinja sena biss wara li Sharlon ħadet il-professjoni. “Meta kienu jiġu jkellmuni fil-kunvent u wara ma baqgħux, kont inħoss in-nuqqas tagħhom imma l-bqija, il-ħajja ta’ soru kienet dak li ridt,” ikkonfermat Sharlon.

Għaliha, però, inqalbet il-paġna meta sentejn ilu bdiet tbati minn kundizzjoni ta’ saħħa li sfumatilha fix-xejn ix-xewqa li tibqa’ soru tal-Klawsura. Il-mara bid-dmugħ f’għajnejha qalet li, “feġġħet din il-kundizzjoni u bdiet tikkawżali ħafna stress. Qisni ma flaħtx nibqa’ hemm ġew għax bdejt inħossni fgata. Ma xtaqtx li dan iseħħ u ġġielidt ħafna biex negħlibha. Tlabt jien u talbu ħafna għalija imma rajt li l-Mulej donnu jrid xi ħaġa oħra minni. Ma kinitx deċiżjoni faċli għalija li ninża u nitlaq mill-Klawsura”.

L-ewwel ma’ ħadet parir kien mingħand persuna minn organizzazzjoni non-governattiva (NGO) fejn qaltilha li, ‘hemmhekk il-post mhux qiegħed jgħinek’ u aktar tard it-tobba kkonfermaw li l-għeluq beda jħalli effetti negattivi fuq saħħet Sharlon. Hija qalet li f’dan il-perjodu diffiċli sabet sostenn importanti mill-Madre, kif ukoll mid-direttur spiritwali tagħha. Kien imbagħad fit-8 ta’ Ottubru li għadda li b’kuraġġ ħalliet l-erba’ ħitan tal-kunvent biex tara jekk barra l-kundizzjoni tagħha tkunx inqas severa fuqha.

F’inqas minn xahar l-uġigħ waqaf

“Meta ħriġt mill-kunvent kont kalma ħafna u ntlaqt f’idejn il-Mulej. Ħassejtni komda u milqugħa mis-soċjetà. Qisni ħadt il-ħajja mill-ġdid u stajt nerġa’ nieħu n-nifs wara d-diffikultajiet kbar ta’ saħħa li kelli. Qabel kont inkun miġugħa ħafna u ta’ kuljum mentri f’inqas minn xahar l-uġigħ waqaf. F’qasir żmien ġibt saħti lura u t-tobba stess huma skantati b’dan il-kambjament daqshekk malajr,” qalet bi tbissima Sharlon.

Din l-eks soru qaltilna li l-għeluq tant kien rikibha li f’waqtiet u ta’ spiss kien ikollha bżonn toħroġ ‘il barra. Minkejja li kien hemm għażla għal Sharlon li taqleb għal soru esterna minflok dejjem fil-kunvent, għaliha din ma kinitx soluzzjoni minħabba li xorta waħda ħasset li l-orarju se jissikkaha.

“Inħossni qisni għasfur maħruġ mill-gaġġa imma d-devozzjoni lejn Alla kienet, qiegħda u dejjem se tibqa’ hemm. Għandi sena żmien naħsibha jekk nirritornax soru jew le. Sadanittant irrid niġi fuq saqajja u nara kif se nibqa’ b’saħħti,” kompliet Sharlon.

Trid tibda kollox mill-ġdid… “Il-bidu huwa dejjem iebes”

Din il-mara kellha tibda ħajja kompletament ġdida b’xejn f’idejha jew taħt rasha, f’età li hija pjuttost diffiċli biex tirranka mill-bidu. Preżentement hija qiegħda tgħix waħidha imma dan il-fatt ma jdejjaqhiex. Bħalissa għandha problemi ta’ mobbiltà minħabba li qatt ma tgħallmet issuq, xewqa li fil-futur kemm jista’ jkun viċin, tixtieq taqtagħha billi titgħallem u tieħu l-liċenzja tas-sewqan. 

Minħabba li qatt ma ħadmet bi qligħ ta’ flus bħala soru, issa li ħarġet qiegħda fuq l-għajnuna soċjali ħalli jkollha biex tgħix. Sadanittant hija baqgħet tagħmel il-presepji għall-kunvent u l-Madre qiegħda tgħinha ħafna fil-mixja l-ġdida li għandha din l-eks soru. 

Sharlon, konsapevoli tas-sitwazzjoni unika tagħha, stqarret li, “għax trid tibda kollox mill-ġdid… Il-bidu huwa dejjem iebes imma ninsab ferħana u fiduċjuża. Qiegħda nsib ħafna għajnuna mill-awtoritajiet u rrid nibqa’ pożittiva”. Qaltilna wkoll li l-post fejn toqgħod bħalissa ngħatalha għal perjodu ta’ sitt xhur u li għandha bżonn ta’ saqaf fuq rasha bħalma għandu bżonn bħal kulħadd. Għaldaqstant hija applikat għall-akkomodazzjoni soċjali. 

Filwaqt li l-applikazzjoni tagħha qiegħda tingħata attenzjoni xierqa minħabba li dan huwa każ uniku f’Malta, l-eks Klawsura qiegħda tittamma ż-żmien biex issib postha fis-soċjetà tagħna ma jkunx wieħed twil wisq. Dan bil-għan li malajr kemm jista’ jkun tara jekk il-ħajja barra mill-kunvent hiex it-triq futura għaliha.

“Nistaqsi lill-bniedem – quo vadis?”

“Il-ħajja fil-kunvent u s-soċjetà huma differenti ferm. Il-ħajja hawn hija mgħaġġla ħafna u l-bniedem sar qisu m’għandu ħin ta’ xejn… Jiġini f’moħħi t-terminu ‘quo vadis’ u nistaqsi jekk illum il-ġurnata l-bniedem għadux ifittex lil Alla jew inkella jekk huwiex jieħu l-ħajja f’idejh u lil Alla telqu,” kompliet Sharlon. 

Hija qalet li Malta nbidlet għax żdied ħafna l-bini u l-istil ta’ ħajja tan-nies mhuwiex bħal ta’ dahri. Huwa fatt u mhux ta’ sorpriża li għaliha dawn iż-żewġ ambjenti huma dinjiet totalment differenti minn xulxin. Id-dinja li ħalliet warajha ta’ xebba mhiex dik li ħarġet fiha bħala mara. “It-teknoloġija avvanzat ħafna u l-bniedem qisu ma jgħix mingħajrha… Kważi, kważi, lanqas jiffunzjona,” innotat Sharlon.

It-triq tal-futur għadha mhiex ċara għal din l-eks soru. Għalissa għad m’għandha ebda pjanijiet konkreti għall-futur iżda m’hija teskludi xejn fejn żiedet tgħid li, “għal din is-sena se nikkonċentra li niġi fuq saqajja u mbagħad naraw x’se jiġri. Jien inħalli f’idejn il-Mulej”. Sharlon taf li l-ħajja trid tkompli u li għandha sfida kbira mhux ħażin quddiemha. Hija tisħaq li trid tkun pożittiva u fl-istess ħin kuraġġjuża ħalli bla biżgħa tgħix id-destin tagħha.

Filwaqt li qalet li jekk ma tirritornax bħala soru tal-Klawsura, hija se tibqa’ dejjem f’kuntatt mal-kunvent, Sharlon riedet tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet kollha li tiġihom is-sejħa għall-professjoni solenni ta’ soru – “Tibżgħux u ddawwrux wiċċkom għax it-talb tas-sorijiet huwa l-għeruq li ma jidhrux tas-soċjetà. Mingħajrhom is-siġra m’hija xejn. It-talb huwa l-ilma ġiri għad-dinja”. Hija indirizzat ukoll lill-bqija tas-soċjetà fejn talbet biex nieqfu u nirriflettu, kif ukoll biex ma nabbandunax lil Alla għax “huwa l-qawwa u t-tarka tagħna u mingħajru ma jsir xejn”. 

Fi tmiem l-intervista Sharlon Bonnici rringrazzjat lill-Arċisqof ta’ Malta, Charles Jude Scicluna, tal-għajnuna kollha tiegħu f’dawn il-mumenti.

Ekonomija

Sport