Sunday, November 24, 2024

Sospiżi għal għomorhom wara li nstabu ħatja ta’ qerq fis-snooker

Aqra wkoll

Iż-żewġ players Ċiniżi, Liang Wenbo u Li Hang, ġew sospiżi għal għomorhom minħabba l-involviment tagħhom fl-akbar skandlu ta’ koruzzjoni fis-snooker.

Tmien players oħra, kollha miċ-Ċina, irċevew sospensjonijiet li jvarjaw minn 20 xahar sa ħames snin u erba’ xhur mill-World Professional Billiards and Snooker Association (WPBSA).

L-allegazzjonijiet jinkludu l-manipulazzjoni tal-logħob, l-avviċinament tal-players biex iqarrqu, l-imħatri fuq is-snooker u l-irranġar tal-logħbiet.

Yan Bingtao, iċ-champion tal-Masters tal-2021, ġie sospiż sa Diċembru 2027, filwaqt li l-eks rebbieħ tal-Kampjonat tar-Renju Unit, Zhao Xintong, irid jiskonta sospensjoni li tispiċċa f’Settembru tal-2024.

L-10 players kollha għandhom sal-20 ta’ Ġunju biex jappellaw mid-deċiżjonijiet.

Iċ-chairman tal-WPBSA, Jason Ferguson, qal: “Dan kien każ kumpless ħafna. Kien ta’ qsim il-qalb li rajt  players żgħażagħ ta’ talent jaqgħu f’din ix-xibka malizzjuża u jmorru kontra r-regolamenti tal-kondotta tal-WPBSA permezz ta’ pressjoni eżerċitata minn żewġ players anzjani.

“Din l-imġieba ġiet rikonoxxuta bħala kompletament inaċċettabbli bl-impożizzjoni ta’ żewġ sospensjoni ta’ għomor milli jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tas-snooker. 

“Ninsab kuntent li l-kummissjoni sabet li mill-każ preżenti ma raw ebda prova ta’ kultura aktar wiesa ta’ għemil ħażin fl-isnooker.

“Il-WPBSA se tkompli bil-pożizzjoni b’saħħitha tagħha kontra dawk li jippruvaw jimmanipulaw l-isport u dan ir-riżultat jibgħat messaġġ ċar li kull qerq fil-logħob mhux se jkun ittollerat fl-isnooker.”

Sport