Wednesday, April 24, 2024

Illum tintlagħab il-finali tal-UEFA Conference League bejn Fiorentina u West Ham

Aqra wkoll

Fil-Fortuna Arena ta’ Praga, fir-Repubblika Ċeka, illum tintlagħab il-finali tal- UEFA Europa Conference League bejn Fio­rentina u West Ham United.

Din hija l-ewwel darba li dawn iż-żewġ timijiet ikkwalifikaw għal finali Ewropea f’dan is-seklu u se nkunu qegħdin nassistu għat-tieni finali ta’ din il-kompetizzjoni wara li fl-istaġun li għadda Roma rebħu l-avveniment inawgurali.

Għaddew ukoll 62 sena minn meta Fio­rentina l-aħħar kellhom togħma ta’ glorja kontinentali, meta rebħu it-Tazza tat-Tazzi tal-1960/61.

Madankollu, il-players immexxija mill-coach,  Vincenzo Italiano, eċċellaw fl-Europa Conference League dan l-istaġun minkejja li spiċċaw runners-up wara Istanbul Basaksehir fi Grupp A.

Il-Viola tilfu darba biss fil-Fażi tal-Gruppi qabel għelbu b’aggregate lil Sporting Braga 7-2 (fażi eliminatorja), Sivasspor 5-1 (l-Aħħar 16), Lech Poznan 6-4 (kwarti-finali) u Basel 4-3 (semi-finali) fi triqithom lejn l-ewwel finali Ewropea wara tant żmien. 

Fiorentina skorjaw 36 goal f’14-il partita biex huma l-aktar team li skorja f’din l-edizzjoni. Arthur Cabral jinsab fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers b’seba’ goals, li jissuġġerixxi li t-Taljani għandhom kull raġuni biex joħolmu dwar ir-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni.

B’differenza għal Fiorentina, l-aktar reb­ħa riċenti ta’ West Ham f’finali Ewropea tmur lura għall-1999 meta rebħu t-Tazza Intertoto tal-UEFA.

Il-Hammers rebħu wkoll it-Tazza tat-Tazzi fl-istaġun 1964/65, erba’ snin biss wara t-trijonf tal-Viola f’din il-kompetizzjoni, iżda minn dak iż-żmien kienu fil-biċċa l-kbira assenti mix-xena Ewropea.

Wara li kisbu l-ewwel post fi Grupp B bis-sitt rebħiet, it-team immexxi mill-coach David Moyes elimina b’aggregate lil AEK Larnaca 6-0 (l-Aħħar 16), Gent 5-2 (kwarti-finali) u AZ Alkmaar 3-1 (semi-finali) biex kiseb post f’din il-finali.

Bħala l-uniku team li għadu tilef logħba waħda biss fil-kompetizzjoni dan l-istaġun, West Ham se jkollhom il-moral għoli għal din il-finali.

Barra minn hekk, iż-żewġ players Ċeki, Tomas Soucek u Vladimir Coufal, se jkollhom ‘vantaġġ’ psikoloġiku minħabba li diġá lagħbu f’dan l-istadium meta kienu jilagħbu ma’ Slavia Prague. 

Iż-żewġ coaches rispettivi għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni u għaldaqstant mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Barra minn hekk, il-UEFA hija konxja li sar żball li ġie magħżul dan l-istadium minħabba li jesa biss 19,370 spettatur. Peró huwa ntgħażel sentejn ilu iżda din il-kompetizzjoni kisbet popolaritá kbira u għaldaqstant fil-futur se jintgħażel stadium li jkollu kapaċitá aktar minn 30,000 spetta­tur. 

Ir-referee se jkun l-Ispanjol Carlos del Cerro Grande u se jkun assistit mill-kompatrijotti tiegħu, Pau Cebrian Devis u Guadalupe Porras Ayuso

Sport