Wednesday, April 24, 2024

IT-TIFSIRA TAS-SETTE GIUGNO

Aqra wkoll

Matul l-istorja twila tiegħu, pajjiżna għadda minn bosta taqlib, politiku, kostituzzjonali u anke minn taħt bosta ħakmiet. Ilkoll dawn il-ġrajjiet urew id-determinazzjoni tal-poplu Malti li xi darba jkollu rajh f’idejh. Dan il-prinċipju jmur lura saħansitra anke għal żmien il-Franċiżi meta l-Maltin irribellaw kontra l-ħakma tagħhom. 

Dan ma kienx l-ewwel darba li l-Maltin irvellaw kontra ħakma barranija. Saħansitra għamlu dan ukoll fl-1919 meta ħarġu fit-toroq jipprotestaw kontra l-għoli tal-prezzijiet partikolarment tal-ħobż. Din il-ġrajja llum għaddiet minn fuqha 104 snin, iżda ma ntesietx u baqgħet tiġi mfakkra.

Iżda din il-ġrajja ma tfakkarx biss l-irvell tal-Maltin imma wkoll il-qtil ta’ erba’ patrijotti innoċenti li kienu l-Belt mal-massa tal-poplu. Dawn kienu Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada, Manwel Attard u Karmenu Abela. 

Tabilħaqq li s-Sette Giugno huwa jum storiku li jibqa’ jixraqlu li jkun jum nazzjonali. Dan għaliex anke ġab miegħu tibdil fil-Kostituzzjoni li wassal għall-ewwel Gvern responsabbli, anke jekk b’limitazzjonijiet f’dawk li kienu dmirijiet tal-Gvern, u għall-ewwel Parlament Malti. 

Dan kien l-ewwel pass fil-qasam politiku u kostituzzjonali li fuqu nbnew ġrajjiet oħra sakemm pajjiż kiseb il-ħelsien sħiħ minn kull ħakma barranija. Għalhekk Jum is-Sette Giugno jibqa’ minqux mhux biss fil-qlub tal-Maltin imma se jibqa’ jkun ta’ ġieħ għal dawk li matul is-snin anke snin li ġew wara, komplew ħadmu biex pajjiżna jkun stat indipendenti u sovran u li kapaċi jmexxu lilu nnifsu. 

Dan qed ikompli jkun rifless fil-fatt tal-għadd konsiderevoli ta’ riformi li saru bl-intenzjoni li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Riformi li ġew approvati mill-Parlament bil-għan li komplew itejbu l-ħajja ta’ kulħadd. Dan ngħiduh ukoll fil-kuntest li kellhom jgħaddu 30 sena mill-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 biex in-nisa ngħataw id-dritt tal-vot bħalma kellhom l-irġiel.

Għalhekk nemmnu li hemm ħtieġa li l-Parlament ikun aktar effikaċi biex jadotta leġiżlazzjonijiet li jkompli jirriformaw fejn hemm bżonn. Nemmnu wkoll li l-Parlament irid jara jekk hux il-mument biex isir it-tibdil meħtieġ f’bosta liġijiet, primarjament il-liġijiet elettorali. Dan biex verament inkomplu nimxu maż-żminijiet fejn il-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd.

Sport