Is-servizz tal-Gozo Channel se jkun qed jiġi sospiż fil-ġurnata tal-Milied u fl-Ewwel tas-Sena fil-ħin ta’ bejn nofsinhar u t-3.00 p.m.
Dan qalitu fi stqarrija l-Gozo Channel fejn irimarkat li dan se jsir sabiex il-ħaddiema tagħha jkollhom il-possibiltà li f’dawn il-ġranet jingħaqdu mal-qraba tagħhom għall-ikla.
Is-servizzi li mhux se joperaw mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa huma dawn li ġejjin: 12.00 p.m., 12.45 p.m., 1.00 p.m., 1.30 p.m., 1.45 p.m., 2.00 p.m. u 2.30 p.m. filwaqt li miċ-Ċirkewwa għall-Imġarr se jkunu sospiżi dawn is-servizzi: 12.15 p.m., 12.45 p.m., 1.30 p.m., 1.45 p.m., 2.15 p.m., 2.30 p.m. u 2.45 p.m.
Dan ifisser li l-aħħar vjaġġ mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa se jkun fil-11.30 a.m. u jerġa’ jkompli fit-3.00 p.m. u l-aħħar vjaġġ miċ-Ċirkewwa għall-Imġarr se jkun f’nofsinhar u jerġa’ jkompli fit-3.15 p.m.
Fi stqarrija maħruġa minnu, il-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema tal-kumpanija li huma obbligati jaħdmu shifts twal u xi drabi f’kundizzjonijiet ta’ temp diffiċli. Il-kumpanija ħadet ukoll l-opportunità li tirringrazzjahom ghall-isforzi li jagħmlu u x-xogħol eċċellenti sabiex jipprovdu servizz kostanti lill-passiġġiera.