Hekk kif it-tilqima qiegħda titqassam fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), hemm ħafna li għadhom xettiċi dwar it-tilqima u l-effettività tagħha.
Spanja ħabbret li se tkun qiegħda tagħmel lista ta’ persuni li rrifjutaw li jitlaqqmu kontra l-Covid-19 u jaqsmuha mal-istati membri tal-UE kollha. Dan ħabbru, Salvador Illa, il-Ministru għas-Saħħa ġewwa Spanja, li fi żmien il-pandemija kienet waħda mill-aktar pajjiżi milquta fl-Ewropa, b’total ta’ 1,894,072 każ ta’ persuni pożittivi għall-virus u 50,122 imwiet.
“L-aħjar mod ta’ kif għandna ngħelbu l-Covid-19 huwa li nitlaqqmu kollha – aktar kemm ikun hemm nies imlaqqma aktar aħjar,” sostna Illa.
Preżentament, dan il-pajjiż qiegħed iqassam it-tilqima Pfizer-BioNTech li ġiet approvata għall-Istati Membri kollha tal-UE.
F’intervista fuq La Sexta, Illa enfasizza li t-tilqima mhux se tkun mandatorja. Madanakollu, huwa żied jgħid li, “ kull persuna li tirrifjuta tip ta’ trattament se tiġi mniżżla fir-reġistru. Minkejja dan, ir-reġistru mhux se jkun disponibbli għall-publiku inġenerali u se jkun qiegħed jirrispetta r-regolamenti tad-data protection.”
Minn rapporti tal-BBC jidher li minn stħarriġ riċenti jidher li ċ-ċittadini Spanjoli li rrifjutaw li jitlaqqmu naqas drastikament. Minn 47% ta’ persuni kontra t-tilqima, f’Novembru l-persentaġġ naqas għal 28%.
Il-Ministru Salvador, temm jgħid li minkejja li jemmnu li kull min jirrifjuta li jieħu t-tilqima se jkun qiegħed jagħmel żball, xorta gandhom id-dritt li jirrifjutaw. “Se nippruvaw neliminaw, kemm jista’ jkun, kull dubju dwar it-tilqima. It-tilqim se ssalva ħafna ħajjiet. Dan hu l-uniku mod ta’ kif nistgħu noħorġu minn din il-pandemija.”