Spanja qed tippjana li timponi taxxa sa 100% fuq proprjetajiet mixtrija minn persuni li huma residenti f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, bħalma hu r-Renju Unit. Waqt li ħabbar din il-mossa, il-Prim Ministru Spanjal Pedro Sánchez qal li l-miżura “bla preċedent” kienet meħtieġa biex tiġi ndirizzata l-emerġenza tad-djar fil-pajjiż.
Sanchez qal li l-Punent qed jiffaċċja sfida deċiżiva: dik li ma titħalliex tinbitx soċjetà maqsuma f’żewġ klassijiet, is-sidien sinjuri u l-kerrejja foqra.
F’forum ekonomiku f’Madrid, Pedro Sanchez qal li residenti li mhumiex minn pajjiżi fl-UE xtraw 27,000 proprjetajiet fi Spanja fl-2023, mhux biex jgħixu fihom iżda “biex jagħmlu l-flus minnhom.”
Il-mossa tal-Gvern Spanjol kienet għalhekk imfassla biex il-prijoritajiet għal djar disponibbli jkunu għar-residenti spanjoli.
Sánchez ma pprovdiex dettalji dwar kif se taħdem it-taxxa u lanqas skeda ta’ żmien biex tiġi ppreżentata lill-parlament għall-approvazzjoni, fejn spiss kellu jitħabat biex jikseb biżżejjed voti biex jgħaddi leġiżlazzjoni. Skont il-gvern, il-proposta se tkun iffinalizzata wara studju bir-reqqa.
Il-miżura hija waħda minn tużżana ta’ miżuri ppjanati mħabbra mill-Prim Ministru nhar it-Tnejn immirati biex itejbu l-affordabbiltà tad-djar fil-pajjiż.
Miżuri oħra mħabbra jinkludu eżenzjoni mit-taxxa għal sidien li jipprovdu akkomodazzjoni affordabbli, it-trasferiment ta’ aktar minn 3,000 dar għal korp ġdid ta’ akkomodazzjoni pubblika, u regolamentazzjoni aktar stretta u taxxi ogħla fuq appartamenti turistiċi.
Il-Gvern soċjalista Spanjol qed iqis li mhux ġust li dawk li għandhom tlieta, erbgħa jew ħames appartamenti għal kirjiet għal żmien qasir iħallsu inqas taxxa mil-lukandi.