Sigħat biss qabel Auckland kellha tospita l-partita tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa, din il-belt qamet b’aħbar ta’ sparatura fatali li tefgħet dell mill-aktar ikrah fuq dik li suppost kienet ġurnata ta’ ċelebrazzjoni.
L-inċident fiċ-ċentru tal-akbar belt ta’ New Zealand, qrib fejn kellhom jinġabru mijiet ta’ partitarji tal-football f’fan park, ħalla żewġ persuni mejta u sitta oħra feruti.
Il-Fifa qalet li kienet infurmata li kien inċident iżolat u l-partita tal-Ħamis bejn New Zealand u n-Norveġja f’Eden Park se tkompli kif ippjanat.
In-nies ivvjaġġaw lejn il-belt minn madwar id-dinja għall-bidu tat-Tazza tad-Dinja, li ġiet meqjusa bħala l-akbar avveniment sportiv tan-nisa li qatt ttellgħet.
L-isparatura seħħet f’sit ta’ kostruzzjoni fid-distrett tan-negozju ċentrali fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Ir-raġel armat ġie ddikjarat mejjet wara l-attakk, li mhux qed jitqies bħala att terroristiku.
Is-Sindku ta’ Auckland, Wayne Brown, qal li l-persunal kollu tal-FIFA u t-timijiet kienu sikuri u ġew avviċinati.
Il-FIFA ħarġet stqarrija fejn qalet li kienet “f’kuntatt kontinwu mat-timijiet parteċipanti affettwati minn dan l-inċident”.
Hija żiedet tgħid: “Il-FIFA testendi l-kondoljanzi l-aktar profondi tagħha lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi li tilfu ħajjithom wara l-inċident li seħħ f’Auckland, fi New Zealand, u l-ħsibijiet u t-talb tagħna jibqgħu ma’ dawk li ndarbu f’dan l-inċident traġiku.”