Sunday, November 24, 2024

Spazju abbandunat ta’ 2,000 metru kwadru f’Ħal Farruġ se jinbidel f’picnic area

Aqra wkoll

Żona abbandunata ta’ 2,000 metru kwadru f’Ħal Farruġ se tiġi riġenerata biex toffri lir-residenti spazju miftuħ għat-tgawdija tagħhom.

Dan ix-xogħol se jsir minn Parks Malta, bi ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa. Parks Malta se jkunu responsabbli mill-manutenzjoni u ż-żamma ta’ din il-picnic area. Is-sit se jiġi attrezzat bil-cameras tas-sigurtà u, biex iż-żona tkun aktar sigura, se jinbena ċint mad-dawra.

Dan il-proġett fil-komunità ta’ Ħal Luqa tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli. Is-sit se jkun mgħammar b’kontenituri għas-separazzjoni tal-iskart u ftit picnic benches, ħalli b’hekk aktar familji jkunu mħeġġa jmorru jagħmlu picnic f’abitat naturali.

Se jsir tħawwil ta’ siġar u installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni bl-użu ta’ ġiebja. Id-dawl li se jkun qed jiġi installat jagħmel użu minn sistema innovattiva kkontrollata skont il-ħin tal-ġurnata u l-bżonn. L-investiment f’din is-sistema jassigura effiċjenza u titjib fis-servizz.

“Tul dawn l-aħħar xhur ħabbarna diversi proġetti ta’ spazji miftuħa. Dan qed isir permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali u Parks Malta, fejn kontinwament qed noffru aktar spazji miftuħa għat-tgawdija tar-residenti. F’kull proġett, dejjem inżommu f’moħħna l-kunċett ta’ sostenibbilità, fejn il-manutenzjoni tingħata prijorità. Inħares ’il quddiem għal iktar proġetti bħal dawn biex jitgawdew mill-pubbliku fil-lokalità tagħhom stess,” qalet il-Ministru Dalli.

“Dan il-proġett huwa xhieda oħra ta’ impenn li għandha Parks Malta biex inkomplu nikkollaboraw ma’ aktar kunsilli lokali, biex b’hekk nirriġeneraw aktar spazji miftuħa viċin tar-residenti,” irrimarka d-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard.

Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta u rappreżentanti mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa.

Ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien se tkun qed titlesta fix-xhur li ġejjin

Sport