Friday, April 19, 2024

Spazju Kreattiv iniedi strateġija mibnija fuq tliet pilastri

Aqra wkoll

L-eċċellenza artistika, il-ħidma mal-komunità u l-internazzjonalizzazjoni huma t-tliet pilastri

Spazju Kreattiv nieda il-programm tal-istaġun 2020|2021 taħt il-viżjoni artistika ta’ Il-Qalba tal-Kreattività. Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-COVID-19, Spazju Kreattiv qed jippreżenta programm ġdid li jappoġġja lill-kreattivi bi strateġija bbażata fuq tliet pilastri li huma l-eċċellenza artistika, il-ħidma mal-komunità u l-internazzjonalizzazjoni, liema jikkonsisti f’aktar minn 400 attività, 320 artist, u 17-il forma ta’ arti kreattiva.

Dan huwa programm li huwa miftuħ li jingaġġa u jilqa’ fih ideat u perspettivi differenti bi proġetti fuq suġġetti topiċi bħall-migrazzjoni, il-kostruzzjoni bla rażan, il-fluwidità tal-ġandri, d-diversità etnika, s-saltna tad-dritt, u aktar.  Is-sezzjoni tar-Residenza għall-Artisti tagħna, ser tkompli bi programm li jikkonsisti minn 5 proġetti, 6 nazzjonijiet u 7 forom kreattivi.  Iċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv, liema jinkludi xi 190 film, bi 350 xandiriet u 5 festivals fl-unika ċinema tat-tip arthouse f’Malta, ser ikun ukoll parti mill-programm tagħna għal dan l-istaġun. L-istaġun annwali ta’ ŻiguŻajg ser jirritorna wkoll b’varjetà sħiħa ta’ spettakli ġodda minn trabi sa tfal ta’ għaxar snin.

Apparti mill-ammont sinnifikativ ta’ inizjattivi li Spazju Kreattiv qed ivara, bħalissa hemm ukoll l-esebizzjoni bl-isem Project XX li tikkomemora l-20 Sena Anniversarju tal-Fondazzjoni Kreattività. Din l-installazzjoni interattiva mill-artist Pierre Portelli, tħallat ir-riflessjonijiet u l-implimentazzjonijiet  artistiċi flimkien mar-riċerka tal-arkivji fil-bini u l-organizzazzjoni permezz tal-ewwel esperjenza virtwali unika tat-tip tagħha fis-settur lokali.

Waqt l-intervent tiegħu, l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali, l-Onorevoli José Herrera qal li l-kreattività hija riflessjoni tal-ħsoeb ħieles. L-2020 hija sena fejn Fondazzjoni Kreattività qed tiċċelebra dan l-anniversarju mit-twaqqif tagħha, u qed tagħmel dan f’ċirkostanzi xi ftit jew wisq partikolari. Li huwa żgur huwa li, l-2020 hija sena li ġabet magħha sfidi kbar li dawk li huma direttament jew indirettament involuti fis-setturi tal-ħidma kulturali u artistika. Il-pandemija tal-COVID-19 ħalliet diversi impatti negattivi fuq dawn is-setturi. “Mingħajr ma nikkunsidraw dan kollu, Spazju Kreattiv għadu qed jipprova jgħeleb dawn l-isfidi, u jiena, b’ċertu sodisfazzjon, ninnota kif fl-istaġun 2020-2021, Spazju Kreattiv qed iniedi programm estensiv”, irrimarka l-Ministru Herrera.

Iċ-ċermen ta’ Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li l-2020 ser tibqa’ mfakkra minn Fondazzjoni Kreattività hekk kif ser inkomplu niċċelebraw l-għoxrin sena tagħna mit-tnedija. “Minkejja li ċ-ċelebrazzjonijiet sfaw mtappna minħabba dawn iċ-ċirkostanzi straodinarji u l-isfidi bla preċedent kellhom impatt konsiderevoli fuq l-operat ta’ kuljum tagħna, aħna żgurajna li nieħdu inkunsiderazzjoni l-bidla dwar kif dan is-settur issa għandu jaħdem biex jiggarantixxi li nippreżentaw il-programm Spazju Kreattiv 2020|2021”.  Aktar minn hekk, iċ-ċermen żied jgħid li fix-xhur li ġejjin, Fondazzjoni Kreattività ser tippreżenta proposti u proġetti ta’ infrastruttura strateġika sabiex tiżgura li dak li ġie milħuq fil-passat jinżamm u jiġi żviluppat aktar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-ewwel staġun fl-irwol ta’ Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi spjega kif il-programm ser idaħħal lill-Spazju Kreattiv f’era ġdida, waħda li tiffoka fuq li tippożizzjona lil Spazju Kreattiv fil-qalba tal-kreattività.  “‘Il-Qalba tal-Kreattività’ huwa l-kunċett li fuqu Spazju Kreattiv ser jistabilixxi l-viżjoni artistika tiegħu fis-snin li ġejjin.  Fl-irwol il-ġdid tiegħi ser naħdem bla heda flimkien mat-tim eċċellenti u dinamiku tiegħi sabiex nipprovdu programm mill-aqwa mfassal b’attivitajiet varji, minkejja d-diffikultajiet kollha li l-pandemija timponi fuqna.  Is-serje ta’ inizjattivi ser tippreżenta esperjenza ġdida għal-udjenzi tagħna u ser ikunu msejsa u mibnija madwar iċ-Ċentru tagħna fil-Belt Valletta, inkontri u diskussjonijiet mal-kommunitajiet, u pjattaforma onlajn interattiva friska,” sostna Daniel Azzopardi.

Azzopardi fihem kif l-istaġun li qed jiġi ppreżentat illum huwa parti minn proċess kontinwu li jaħseb biex jippromwovi l-eċċellenza artistika, l-attività diretta mal-komunitajiet u ma’ diversi gruppi oħrajn u l-kollaborazzjonijiet internazzjonali.  Dawn huma l-prinċipji strateġiċi li ser nikkonċentraw ix-xogħol tagħna fuqhom sabiex nilħqu l-livelli mistennija bħala l-entità nazzjonali tal-kreattività.

Apparti mit-tnedija tal-programm divers u wiesa’, Spazju Kreattiv huwa wkoll onorat li qed iniedi l-esperjenza diġitali ġdida tas-sit elettroniku www.kreattivita.org.  Is-sit il-ġdid huwa pass sinnifikativ ħafna għat-titjib tal-esperjenza diġitali tagħna, fejn jippermetti li Spazju Kreattiv jilħaq aktar nies u b’hekk jifrex aktar il-kreattività u jagħti aktar appoġġ lill-artisti speċjalment f’dawn iż-żminijiet iebsa.

Sport