Sunday, May 19, 2024

Special Olympics: L-atleti Maltin jibdew jirbħu l-midalji

Aqra wkoll

Wara li nhar is-Sibt fil-għaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Olimpjadi Speċjali bl-Invit fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, il-bieraħ bdew il-kompetizzjonijiet fejn bħal ma jiġri dejjem Malta għandha l-ikbar team ta’ atleti bħal ma jsir f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Tlieta u għoxrin delegazzjoni minn madwar l-Ewropa u lil hinn jinsabu f’Malta għal li Special Olympics Malta Invitational Games, l-ewwel avveniment internazzjonali ta’ Special Olympics fl-Ewropa minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.

L-atleti qed jikkompetu fl-għawm, l-atletika, il-boċċi, il-bowling, il-football u t-table tennis, bil-logħob jiġi fit-tmiem nhar l-Erbgħa li ġej.

Fil-bowling l-atleti Maltin kellhom ġurnata tajba meta rebħu midalja tal-fidda u oħra tal-bronż fis-singles tal-irġiel waqt li għamlu clean sweep fis-singles tan-nisa.

Kien Elmeri Haukikiani tal-Finlandja li spiċċa biex ħa d-deheb meta fi Grupp A kiseb total ta’ 617 waqt li Luke Burke ħa l-fidda b’total ta’ 599 u Peter Mallia rebaħ il-bronż b’576.

Iżda n-nisa marru aħjar meta t-trio kompost minn Amanda Cini, Rachel Chircup u Jessica Farrugia, spiċċaw fuq il-podju f’din l-ordni meta kisbu total ta’ 591, 473 u 457 rispettivament.

Fil-boċċi, Aidan Camilleri rebaħ id-deheb waqt li Matthew Schembri, Gabriel Fenech u David Buhagiar rebħu midalja tal-fidda waqt li kien hemm midalja tal-bronż għal Joseph Silvio, Anson Lia, Lyndon Camilleri, Kerston Abdilla u George Buttigieg fil-kategoriji tagħhom.

Fil-kategorija tan-nisa kien hemm midalji tal-fidda għal Ruth Galea u Kara Cauchi waqt li Ella Debono rebħet waħda tal-bronż.

Fid-dixxiplina tal-għawm li saret fil-Pixxina Nazzjonali saru l-heats ta’ diversi tlielaq u mil-lum se jibdew isiru fil-finali għar-rebħ tal-midalji fejn il-Maltin huma mistennija jirbħu numru tajjeb minnhom.

Fil-Matthew Micallef St. John Stadium tal-Marsa bdew l-avvenimenti tal-atletika.

Fil-football it-timijiet Maltin, Malta Reds u Malta Whites, kellhom bidu sodisfaċenti fejn dak Malta Reds kiseb rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ungerija u kien involut fi draw ta’ 3-3 kontra Malta Whites.

Huma qed jieħdu sehem fi Grupp A flimkien  mal-pajjiżi ta’ San Marino u l-Isle of Man.

Sport