Wednesday, April 24, 2024

Spettaklu Internazzjonali ta’ Opra Komika Jasal fil-Manoel dan ix-Xahar

The Opera Locos iżewweġ suċċessi tal-opra ma’ klassiċi tar-rock u tal-pop fi spettaklu uniku

Aqra wkoll

Dilettanti tal-opra u tal-kummiedja ħejju ruħkom – wirja internazzjonali se tasal dalwaqt fit-Teatru Manoel, u se tkun serata memorabbli għall-familja kollha!

The Opera Locos jikkonsisti fi troupe ta’ ħames kantanti liriċi, eċċentriċi u eċċezzjonali, li jippreżentaw repertorju tal-aqwa kompożituri fil-ġeneru tagħhom – iżda b’laqta mhux tas-soltu. Filwaqt li b’ħila jagħġnu flimkien suċċessi magħrufin tal-opra ma’ diversi klassiċi tar-rock u tal-pop bl-aktar mod oriġinali, matul il-wirja l-artisti jibdew jiżvelaw il-passjonijiet u x-xewqat sigrieti tagħhom, b’konsegwenzi imprevedibbli u divertenti għall-aħħar.

“Għandna seba’ mitt sena biex nilqgħu lil The Opera Locos fit-Teatru Manoel, fil-11 ta’ Diċembru” qal Antoine Farrugia, Artist Kreattiv. “Din hija opportunità unika kemm għall-appassjonati tal-opra kif ukoll għal dawk li għadhom se jibdew iduqu dan il-ġeneru, sabiex jesperjenzaw spettaklu fantastiku f’Malta mtella’ minn din il-kumpanija bbażata f’Madrid, b’kantanti tal-opra professjonali li jwasslu sew kummiedja u sew spettaklu fi produzzjoni interattiva u ġenjali.”

Locos fl-isem u miġnun fil-fatt, dan l-ispettaklu ta’ opra komika huwa taħlita friska ta’ kummiedja fiżika, prestazzjoni mużikali u staging inventiv, u flimkien dawn joħolqu esperjenza tabilħaqq spettakolari u jqarrbu l-opra lejn l-udjenzi ta’ kull età mad-dinja kollha. The Opera Locos diġà kiseb riċensjonijiet tajbin ħafna f’aktar minn 300 belt madwar l-Ewropa, l-Asja u l-Amerika Latina, u kien magħżul bħala l-Aqwa Musical waqt The Max Awards for the Performing Arts fl-2019 – li fi Spanja huma ekwivalenti għal The Tony Awards jew il-Premju Laurence Olivier tar-Renju Unit.

Apparti t-teatru fiżiku li jifqgħek bid-daħq u jaqtagħlek nifsek, The Opera Locos jinkludi programm rikk ta’ suċċessi operatiċi, fosthom mużika minn The Magic Flute, The Barber of Seville, La Traviata, Turandot u ħafna aktar.

Il-wirja ta’ The Opera Locos se tittella’ fit-Teatru Manoel fil-11 ta’ Diċembru fis-6pm u fit-8.30pm. L-ispettaklu jdum madwar 85 minuta u huwa addattat għal udjenzi li għandhom sitt snin jew fuqhom. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], b’telefonata fuq (+356) 2124 6389 jew inkella mis-sit www.teatrumanoel.mt

Sport