Saturday, May 18, 2024

Spettakolari aktar mill-oriġinal

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Top Gun: Maverick

Tom Cruise hu sinonimu ma’ ħafna stunts spettakolari u perikolużi.  Imma waħda mill-akbar stunts li għamel fil-karriera tiegħu seħħet fi tmiem il-ġimgħa: ġibed eluf ta’ nies lejn is-swali taċ-ċinema għall-film li ma kellux super-eroj minn tal-Marvel jew DC.

“Top Gun: Maverick” irnexxilu jiġbor $134 miljun dollaru mill-box office Amerikana biss bejn il-Ħamis u l-Ħadd u dan l-ammont kompla jikber billi t-Tnejn kienet btala ukoll (Memorial Day).  Għal Tom Cruise, dan hu l-akbar opening weekend fil-karriera tiegħu ta’ 40 sena.  Qabel, ir-rekord ta’ Tom Cruise kien bil-film “War of the Worlds” meta fl-2005 beda b’$64 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.

Is-sequel għall-blockbuster “Top Gun” kien ilu mistenni.  “Top Gun: Maverick” hu l-bidu ta’ xahar li jista’ jiġbed il-pubbliku lura fis-swali taċ-ċinema.  Dan għax sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar, ser naraw “Jurassic World: Dominion”, “Lightyear” u “Elvis” – kollha films li għandhom jappellaw għall-pubbliku nġenerali.

Xejn mgħandu jissorprendik f’dan is-sequel, ħlief għal mod tajjeb ħafna kif inhu żviluppat taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Kosinki.

Fil-film oriġinali, Maverick (Tom Cruise) jirbaħ l-imħabba ta’ Charlie (Kelly McGillis) imma jitlef l-akbar ħabib li kellu: Goose (Anthony Edwards).

Il-memorja ta’ Goose hemm għadha, rappreżentata permezz ta’ ibnu Bradley Bradshaw (Miles Teller) li issa kbir u jinsab ma’ l-aqwa bdoti tal-ajruplani tal-gwerra.  Il-‘call sign’ tiegħu hu Rooster.  Għall-mumenti romantiċi, Maverick issa għandu lil Penny (Jennifer Connelly).  Ix-xahar id-dieħel, Tom Cruise jagħlaq 60 sena u kienet ideali li l-mumenti romantiċi jkunu jirriflettu l-istat ta’ maturitá taż-żewġ protagonisti.  Jennifer Connelley kienet għażla perfetta.

Fit-teorija, Maverick suppost kellu jilħaq rank għola fil-qawwa tal-ajru Amerikana u jgħallem bdoti żgħar biex isiru bħalu.  Imma wara l-mewt ta’ sieħbu Goose, Maverick inqata’ għalih waħdu u baqa’ fir-rank ta’ Kaptan.  Insibuh x’imkien fid-deżert ta’ Mojave, jittestja għall-veloċitá l-ajruplan supersoniku multi-miljunarju – l-SR-71 Blackbird.

Jitfaċċa l-Ammirrall Chester ‘Hammer’ Cain (Ed Harris) li jkun determinat li jwaqqaf dan il-programm tal-ajruplan għax kien għadu ma laħaqx il-veloċitá ta’ Mach 10.  Bi sfida, Maverick itella’ l-ajruplan fl-ajru, jilħaq din il-veloċitá imma b’konsegwenzi mhux mixtieqa.  Flok jitkeċċa b’diżunur, Maverick jiġi mġiegħel imur jgħallem fl-akkademja ta’ Top Gun, issa immexxija minn Tom “Iceman” Kazansky (Val Kilmer).

L-iskript ma’ jaħbix li llum Val Kilmer għandu kanċer fi griżmejh u x-xena bejn Tom Cruise u Val Kilmer hi emozzjonali ħafna.

Il-missjoni ta’ Maverick fl-akkademja hu li jħarreġ tim ta’ bdoti (waħda minhom hi l-mara bil-‘call sign’ Phoenix – parti maħduma minn Monica Barbaro) fuq missjoni urġenti fejn iridu jeqirdu impjant tal-uranju f’pajjiż li ma jkunx identifikat.  Il-problema hi li dan l-impjant ikun jinsab f’wied bejn il-muntanji, mgħammra b’missili SAM u bażi militari b’ajruplani sofistikati tal-gwerra.

“Top Gun: Maverick” hu film ta’ Tom Cruise daqs kemm kien l-ewwel wieħed.  Huwa spettakolari aktar minn ta’ qablu.  Ix-xeni bl-ajruplani fl-ajru huma superjuri fejn il-cockpit kienet mgħammra b’sitt cameras li l-atturi stess kellhom iħaddmu.  Dan il-fatt jagħmel ix-xeni aktar eċitanti u jħalluk bla nifs.

Gwida għal min ser jara “Top Gun: Maverick”: 12A (hu rakkomandat li tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xi ftit kliem mhux xierqa.

Satira fuq is-sinjuri tibaħ f’Cannes

Il-film tad-direttur Żvediż Ruben Östlund, “Triangle of Sadness” rebaħ il-Palma tad-Deheb fil-Festival ta’ Cannes li ntemm is-Sibt, 28 ta’ Mejju.  Fl-2017 dan id-direttur kien rebaħ l-istess unur b’“The Square”.

Il-film rebbieħ ta’ din is-sena, hu drama komika li joħloq satira fuq in-nies sinjuri u dawk li f’ħajjithom ma jgħidu xejn ta’ sustanza.  Il-vapur li jkunu fuqu għal cruise jgħereq, b’dawk li jsalvaw isibu rwieħhom fuq gżira-deżert fejn il-flus ma jibqalhom ebda valur.  Fost il-protagonisti, jidhru Woody Harrelson, Harris Dickinson u Hanna Oldenburg.

L-aħjar attriċi ġiet ivvutata Zar Amir-Ebrahimi, li tidher fil-parti ta’ ġurnalista Iranjana li tirriskja ħajjitha biex taqbad serial killer li qed joqtol prostituti fit-thriller “Holy Spider.” 

L-aħjar attur ingħażel il-Korejan Song Kang-ho li jidher f’“Broker.” Song għandu l-parti ta’ wieħed li jbigħ it-trabi permezz tas-suq l-iswed.  

Il-ġurija immexxija mill-attur Franċiż Vincent Lindon, tat il-premju għall-aħjar direzzjoni lill-Korejan Park Chan-Wook li kkompeta b’“Decision to Leave”.  F’dan  għat-thriller fuq stil ta’ Hitchcock, insibu detektiv li jsir iħobb l-armla ta’ vittma ta’ omiċidju.

Sport