Sunday, December 22, 2024

Spettur jikkonferma inċident fejn il-priġuniera pprovat taħrab mill-Isptar

Ikompli l-każ dwar il-mewt ta’ priġuniera

Aqra wkoll

Spettur tal-Pulizija kkonferma li xi ġranet qabel priġuniera allegatament ipprovat tneħħi ruħha b’idejha fil-ħabs, kien hemm inċident ieħor fejn waqt li hija kienet rikoverata l-Isptar Mater Dei, ipprovat taħrab iżda twaqqfet mill-uffiċjali korrettivi li kienu magħha.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Paul Camilleri hekk kif kompla jinstema’ l-każ kontra ż-żewġ uffiċjali korrettivi li jinsabu mixlija bi traskuraġni li wasslet għall-mewt tal-priġuniera Kimberly Borg Nicholas Virtu. 

Illum kien imiss lid-Difiża biex tressaq il-provi tagħha. L-uffiċjali korrettivi, li bħalissa jinsabu sospiżi minn xogħolhom, huma Annabelle Cauchi ta’ 51 sena u Alison Vassallo ta’ 41 sena li qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Kim Borg kienet instabet mitlufa minn sensieha fiċ-ċella tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju li għadda wara attentat ta’ suwiċidju u tilfet ħajjitha fl-4 ta’ Lulju fl-Isptar Mater Dei. Inkjesta maġisterjali li nfetħet dwar dan il-każ kienet sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi. 

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-Avukat Herman Mula, l-Ispettur Camilleri xehed li huwa kien involut fl-inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ Kim Borg mill-bidu sal-aħħar. 

Huwa kkonferma li kien hemm inċident ieħor fejn Kim Borg ħarbet mill-kustodja tal-uffiċjali korrettivi li kienu magħha fl-Isptar, iżda eventwalment instabet fis-sular ta’ isfel. 

Mistoqsi jekk kienx hemm xi raġuni għal din il-ħarba, ix-xhud wieġeb li hija “riedet taħrab biex iġġib sigarett” iżda fil-fatt hi kienet ħarbet. Huwa qal li sar jaf b’dan id-dettall minn xhud ieħor. 

Mistoqsi jekk l-akkużi relatati ma’ din il-ħarba ġewx ippreżentati fl-inkjesta, l-Ispettur Camilleri wieġeb li le u qal li huwa ppreżenta r-rapport li kien sar fl-Għassa tal-Imsida.

Waqt ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Camilleri saħaq għal darba darbtejn li huwa mexa skont il-konklużjonijiet tal-inkjesta. Qal ukoll li mill-inkjesta ħareġ li l-eks Direttur tal-Ħabs Alex Dalli kien jiddelega xi xogħol lis-subordinati tiegħu. 

L-Avukat Mula għamel referenza fost oħrajn għax-xhieda ta’ residenta oħra li kienet qrib ħafna tal-vittma, dan fir-rigward tal-kundizzjoni tagħha jekk kinitx suwiċidali jew le f’dak il-perjodu. Hija qalet li ma kinitx, li kienet sana u sana ħafna.

“Ikkunsidrajtuha x-xhieda tagħha?” staqsa l-Avukat. L-Ispettur wieġeb: “niftakar li saret il-konversazzjoni tax-xhud però aħna qgħadna mal-kundizzjonijiet tal-Maġistrat inkwerenti.”

L-Avukat Mario Mifsud, li qed jidher għall-imputati, staqsa lix-xhud jekk waqt l-inkjesta, apparti l-Maġistrat kienx hemm ukoll espert ieħor li beda jagħmel xi mistoqsijiet. Ix-xhud wieġeb fl-affermattiv. 

“Naqblu li l-mistoqsijiet li beda jagħmel l-espert ma kinux fuq il-każ il-ħin kollu imma fuq każijiet tiegħu personali,” staqsa l-Avukat. “Iva. Kien hemm inċident wieħed fejn staqsew mistoqsijiet mhux marbuta mal-każ,” wieġeb ix-xhud. 

Il-każ ikompli fis-6 ta’ Lulju.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Paul Camilleri u Christine Delia filwaqt li l-Avukati Herman Mula u Mario Mifsud dehru għall-imputati. L-Avukati Rachel Tua u Edmond Cuschieri dehru parte civile għall-familjari tal-vittma.

Ekonomija

Sport