Wednesday, March 27, 2024

IL-KISBIET BL-INKLUŻJONI TAL-UKRENI NIFTĦUHOM GĦAL IMMIGRANTI AFRIKANI

Aqra wkoll

Id-diskussjonijiet fl-Unjoni Ewropea b’mod partikolari fejn jidħol il-qasam tal-affarijiet barranin, l-attenzjoni hi ffukata fuq l-Ukrajna. Anki fejn jidħol l-ażil  u l-migrazzjoni, l-attenzjoni hi ffukata fuq l-Ukrajna. Din il-gwerra wasslet biex miljuni ta’ Ukreni ħarbu minn pajjiżhom. Infirxu tista’ tgħid mal-Ewropa kollha. Intlaqgħu mill-ewwel u hekk għandu jkun. L-Unjoni Ewropea ħadet ukoll passi biex tiffaċilità dan ukoll u dan kien pass tajjeb.  Nemmnu li iva li nies li qed jaħarbu minn gwerra, minn persekuzzjoni u minn sitwazzjonijiet oħra diffiċli, m’għandu jkollhom l-ebda xkiel biex jaslu f’pajjiż u hemm jitolbu ażil, jew status ieħor u jingħataw kenn. 

Ma nistgħux imma ma nħarsux lejn  is-sitwazzjoni b’mod sħiħ. Fis-sens li irridu nħarsu lejn is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fit-totalità tagħha.  L-Unjoni Ewropea, u dan ngħiduh b’dispjaċir, jidher li qed tħares lejn naħa waħda.  Fl-aħħar ġimgħat u xhur rajna lill-istess injorata Ewropea tkompli tkun passivi u indifferenti lejn migranti li jkunu qed jaqsmu mill-Afrika ta’ Fuq lejn il-Libja. Rajna ukoll każi ta’ ‘pushbacks’ lejn il-Libja u ħadd ma tniffes. Kulħadd ħalqu magħluq. Skiet totali mill-pajjiżi kollha Ewropej. Qisu dawn mhux ukoll għandhom dritt jitolbu għall-ażil. Inutli niddikjaraw li d-detenzjoni fil-Libja qed tikser id-drittijiet fundamentali jekk imbagħad inħallu persuni li qed jaħarbu jerġgħu jispiċċaw hemm. 

Ma nistgħux ma nikkummentawx kif xi wħud daħlu fid-detenzjoni, u ma ħarġux imm ħarġuhom. It-tama tagħhom kienet li forsi jifdu lilhom infushom. Jittamaw li jinħarġu  u jaħdmu għal xi ħadd fil-Libja biex jifdu lilhom infushom, abbuż li l-ordni tal-ġurnata fil-Libja. Ma nistgħux ma nsemmux kif immigranti salvati qed jispiċċaw jagħmlu jiem sħaħ bejn sema u ilma jistennew port sigur. U jagħmlu dan f’tensjoni kbira. Oħrajn spiċċaw sabu qabarhom fil-Mediterran. 

Nemmnu li fejn tidħol l-immigranti għandu sitwazzjonijiet kuntrastanti. Fil-mod kif kienu trattati l-Ukreni, u li nemmnu li kienu trattati kif għandu jkun, u l-mod kif qed ikunu trattati l-immigranti Afrikani. 

Dwar l-Ukrajna, ir-rispons tal-UE u tal-pajjiżi Ewropej individwali kien fil-biċċa l-kbira pożittiv, tal-inqas f’termini ta’ deċiżjonijiet politiċi, inkluż dwar kwistjonijiet legali u operazzjonali.

Nemmnu li l-fatt li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja kienet attivata għall-ewwel darba għall-Ukreni kienet deċiżjoni tajba u tejbet bil-kbir il-prospetti ta’ protezzjoni u faċilitat ħafna l-kompitu li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri. 

Nemmnu li d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tagħti lir-refuġjati Ukreni protezzjoni temporanja fil-pajjiż tal-għażla tagħhom mhix biss pass tajjeb. Nemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha tmur aktar minnhekk.    Rajna dan il-mudell jaħdem u kien ta’ benefiċċju għal dawn ir-refuġjati Ukreni. Nemmnu li dan għandu jservi ta’ mudell ta’ kif għandhom jiġu trattati il-wasliet minn pajjiżi Afrikani.

L-attivazzjoni tad-Direttiva tal-Protezzjoni Temporanja lil refuġjati Ukreni tfisser permessi ta’ residenza għal tlett snin u d-dritt li jaħdmu u b’hekk jaqbżu l-proċess burokratiku marbut ma’ talbiet ta’ ażil. 

Jekk nieħdu l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mill-Afrika naraw li sa mis-snin disgħin, l-Unjoni Ewropea ibbażat ruħha fuq il-prinċipju tal-ewwel pajjiż, li jitlob li dawk li jfittxu l-ażil japplikaw għall-protezzjoni fl-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jidħlu fih. 

Dan wassal biex matul is-snin l-iStati tan-Nofsinhar tal-Ewropa  spiċċaw b’ammonti kbar ta’ talbiet għall-ażil. Minn żmien għal żmien inħolqu ukoll kriżijiet. 

Irridu ngħidu ukoll li l-prinċipju tal-ewwel pajjiż iwassal ukoll biex jitfa’ ukoll piż u piż hux żgħir fuq l-istess refuġjati.  Huma jistgħu ma jkunux jixtiequ jfittxu ażil fl-ewwel pajjiż tal-wasla tagħhom. U peress li jqisu s-sikurezza tagħhom bħala li tiddependi mhux biss fuq l-istatus legali iżda wkoll fuq għajxien vijabbli, jistgħu jitħajru jerġgħu jagħmlu aktar vjaġġi, xi drabi perikolużi lejn pajjiżi fil-qalba u lejn l-Ewropa ta’ fuq.  Ikun hemm oħrajn jistgħu jkunu jridu jingħaqdu ma’ qraba jew komunitajiet. 

Għandna sitwazzjoni llum fl-Unjoni Ewropea, fejn fuq naħa hemm l-Istati tan-nofsinhar li jitolbu b’mod ripetut li l-prinċipju tal-ewwel pajjiż jiġi rilassat jew jitneħħa,  il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li hemm minnhom immexxijin minn gvernijiet populisti u ksenofobiċi, qed jopponu bi sħiħ is-sistema ta’ rilokazzjoni. Qed jagħmlu dan għax ma jridux jassorbu immigranti Afrikani. Ma jridux jieħdu refuġjati Musulmani.  Jekk nieħdu imbagħad il-pajjiżi tal-Ewropa ta’ Fuq naraw li dawn qed jgħidu li ma jridux li s-sistema tinbidel dment li jkun hemm pajjiżi li jibqgħu joġġezzjonaw. U quddiem dan, spiċċajna b’din is-sitwazzjoni. Immigranti maqbudin f’xi pajjiż partikolari. Oħrajn jistennew jiem sħaħ fuq il-baħar, esposti għall-elementi naturali. Ebda operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Unjoni Ewropea, li qed tfassal għal aktar imwiet.  U ma’ dawn imbagħad, armat u ħarrġet il-Gwardji tal-Kosta Libjani biex jitwettqu l-‘pushbacks’, bi ksur tad-drittijiet tal-istess immigranti li skont il-liġijiet internazzjonali għandhom id-dritt li jitolbu ażil f’pajjiż li ma jkunx hemm periklu għalihom fih.

M’hemm ebda dubju li l-invażjoni Russa u l-ħarbiet ta’ miljuni ta’ Ukreni, uriet it-trattament differenti mill-Unjoni Ewropea lejn immigranti ġejjin minn pajjiż fl-Ewropa u immigranti Afrikani. Prattikament waqgħet il-maskra.  Uriet ir-razziżmu u Neokolonjaliżmu li għadu prevalenti fiha.

Nemmnu li l-mexxejja tal-Unjoni Ewopea għandhom juru li l-kisbiet li saru bl-inklużjoni tal-Ukreni, għandhom jiġu estiżi għal gruppi oħra ta’ refuġjati.

Ekonomija

Sport