Saturday, November 16, 2024

Spettur tgħid li l-affarijiet setgħu jkunu mod ieħor li kieku l-inkwilin kien wara x-shutter tal-ħanut

Mara mixlija li baqgħet dieħla bil-karozza fil-faċċata ta' ħanut

Aqra wkoll

Omm ta’ tlitt itfal mill-Ħamrun inżammet taħt arrest preventiv wara li l-Ħadd li għadda allegatament daħlet bil-karozza f’faċċata ta’ ħanut li jinsab fl-istess lokalità waqt li kienet fis-sakra.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti, l-inċident huwa mifhum li kien intenzjonat u mqanqal minn tilwima ma’ inkwilin li kien qed jirrifjuta li jħallasha. 

Sonia Sammut ta’ 35 sena mill-Ħamrun tressqet quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace mixlija li kkawżat b’aktar minn €2,500 fi ħsarat meta baqgħet dieħla bil-Mercedes Benz fix-shutter tal-ħanut waqt li kienet fis-sakra.

Hija kienet mixlija wkoll li kkawżat ħsara volontarja fuq il-karozza li hi reġistrata f’isem terza persuna, li saqet mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, li saqet b’mod traskurat, li kisret il-paċi pubblika u li saret reċediva.

L-Ispettur Kathleen Zerafa, li mexxiet il-Prosekuzzjoni, qalet li fil-ħin tal-inċident kien hemm żewġ impjegati fil-ħanut. Qalet li filmati tas-CCTV urew lill-mara ssuq intenzjonalment fil-faċċata tal-ħanut, qabel irriversjat u reġgħet daħlet fil-ħanut.

Inqal li Sammut allegatament kellha l-intenzjoni li tolqot lil wieħed mill-impjegati tal-ħanut, li miegħu kellha tilwima dwar il-kera fejn kellhom ukoll xi jgħidu.

“Kien għall-grazzja t’Alla li ħadd ma weġġa’. Li kieku xi ħadd kien qiegħed wara x-shutter, ir-riżultat kien ikun different.

Il-mara wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha u saret talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tar-reat filwaqt li argumentat li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba u ordnat li l-imputata tinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Avukat Josè Herrera deher għall-mara.

Ekonomija

Sport