Wednesday, April 2, 2025

Spiċċajt l-attur prinċipali f’reċta illi ma kontx mistieden għaliha – Joseph Muscat

Aqra wkoll

Jien spiċċajt l-attur prinċipali f’reċta illi ma kontx mistieden fil-pubbliku għaliha. Hekk iddikjara l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tal-avukat James DeAgostino mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-iStat f’kawża fejn l-eks Prim Ministru qiegħed isostni li ġew miksura d-drittijiet tiegħu.

Dr Muscat saħaq li meta saret l-ewwel u t-tieni talba għal ftuħ tal-inkjesta dwar l-isptarijiet minn Repubblika fl-2019 huwa ma ssemma mkien. L-eks Prim Ministru qal li kien biss f’Novembru 2021, meta huwa ma kienx għadu Prim Ministru u meta l-inkjesta kienet diġà ntalbet u nfetħet li Repubblika ressqet talba lill-Kummissarju tal-Pulizija biex huwa jkun investigat.

Żied li ta’ Repubblika m’għamlux bħas-soltu u kitbu lill-Maġistrata Gabriella Vella li kienet qed tmexxi l-inkjesta, għaliex il-Maġistrata kien ikollha tibgħat kollox għand Maġistrat differenti biex issir inkjesta ġdida u huwa kien ikollu s-salvagwardja li jwieġeb għall-akkużi fil-konfront tiegħu.

Minflok, kompla Dr Muscat, ta’ Repubblika kitbu lill-Kummissarju tal-Pulizija li normalment kien imur għand il-Maġistrat tal-Għassa, Maġistrat ukoll differenti mill-Maġistrata Vella, u mill-ġdid huwa kien ikollu d-dritt tiegħu li jwieġeb, imħares. Iżda kif ħareġ minn xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija fil-Qorti, il-Maġistrata Vella kienet qalet lill-istess Kummissarju sabiex jinfurmaha b’kull ħaġa rigward l-isptarijiet u wara li l-Kummissarju għamel hekk dwar ir-rapport ta’ Repubblika, il-Magistrat Vella qaltlu sabiex jimxi fuq id-direzzjoni tagħha.

Dan kollu jikkonferma, kompla jgħid l-eks Prim Ministru, illi li l-proċeduri fil-konfront tiegħu ma sarux kif suppost u allegatament kollox sar bi ħsieb u bi skema. Dan jikkonferma wkoll li l-Maġistrata Gabriella Vella dderiġiet il-proċess kollu u ħadmet biex iżżomm kollox f’idejha, anki dak li ma kellux x’jaqsam remotament mal-inkjesta oriġinali. 

L-eks Prim Ministru qal li dan wassal biex huwa kien qed jiġi investigat mingħajr ma qatt ingħata d-dritt li jissalvagwardja l-pożizzjoni tiegħu. Saħaq li huwa spiċċa l-attur prinċipali fl-inkjesta, akkużat b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, frodi u li huwa kap ta’ organizzazzjoni kriminali, meta ismu ma kienx inkluż fit-talba oriġinali għall-inkjesta. Dr Muscat żied li l-Magistrat Vella ma mxietx b’mod korrett fil-konfront tiegħu.

L-eks Prim Ministru spjega illi waħda mir-raġunijiet ewlenin li wasslitu biex jitlef il-fiduċja fl-inkjesta u fil-Maġistrat Vella kienu l-leaks kontinwi fil-gazzetti. Eventwalment meta kienet ippubblikata l-inkjesta ħareġ ċar li dak li kien qed jidher f’uħud mill-gazzetti kien fil-fatti parti mir-rapport ta’ Jeremy Harbinson. Dr Muscat qal li huwa ma kellu ebda viżibilità tal-inkjesta iżda l-gazzetti kellhom. Żied illi leaks minn inkjesta Magisterjali jikkostitwixxu reat kriminali u kellha tkun il-Maġistrata Vella li titlob li ssir investigazzjoni dwar il-leaks li kienu għaddejjin.

Qal li anki t-tfittxija fid-dar tiegħu kellha tkun posposta b’ġimgħa minħabba leak li kienet tinvolvi lill-Avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi, kif xehed eks uffiċjal tal-pulizija fil-Qorti. Intqal li meta mbagħad saret it-tfittxija kienu jafu kemm il-gazzetti u anki ta’ Repubblika. L-eks Prim Ministru rrimarka kif għall-inkjesta il-mobiles tat-tfal tiegħu kienu importanti tant li ġew ikkonfiskati iżda li fl-istess ħin ma ttieħdet ebda informazzjoni mis-servers tal-kumpanija li ħejjiet it-tender ghall-konċessjoni tal-isptarijiet. Dr Muscat saħaq li l-għażla li ssir tfittxija fid-dar tiegħu kienet għażla “plateali politika” għall-gallerija maħsuba biex ikun hemm destabilizzazzjoni tal-pajjiż.

L-eks Prim Ministru qal li huwa talab biex jiltaqa’ mal-Maġistrata Vella u kien lest li jagħtiha l-informazzjoni kollha dwar artiklu li kien ippubblikat dwaru f’gazzetta lokali. Żied li kien lest li jagħti informazzjoni dwar laqgħat li kellu, ma’ min kienu dawn il-laqgħat, fejn seħħew, meta seħħew u dak li ġie diskuss. Din it-talba iżda ma ntlaqgħet qatt u kien biss meta huwa fetaħ din il-kawża li l-Maġistrata riedet tiltaqa’ mingħajr esperti magħha u kienet lesta tagħtih biss kopji tal-kontijiet bankarji tiegħu stess, ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar l-isptarijiet u kopja tax-xhieda ta’ tnejn minn nies li fl-inkjesta qalu li huwa kien kien qed jingħata €15,000 fix-xahar għaliex wara li ma baqax Prim Ministru, spiċċa bla dar u bla karozza. 

Fi tmiem ix-xhieda tiegħu Dr Muscat qal li dispjaċir li għandu huwa li meta kien Prim Ministru ma tax attenzjoni biżżejjed lil dak li kien għaddej fil-Qorti fejn saħaq li hemm bżonn ta’ riformi kbar minn fuq s’isfel.

Sport