Saturday, November 23, 2024

Splussivi mormija fil-boroż tal-iskart jeqirdu madwar 140 tunnellata ta’ skart riċiklabbli

Aqra wkoll

Splussivi li nstabu mormija fil-boroż tal-iskart riċiklabbli tal-ġimgħa l-oħra pperikolaw il-ħajja tal- ħaddiema tal-WasteServ u wasslu sabiex jintremew 140 tunnellata ta’ skart riċiklabbli.

WasteServ kellha issejjaħ membri mit-Taqsima tal-Explosive Ordnance Disposal Unit tal-Forzi Armati biex jassistuha ħalli jitneħħew b’ mod sigur dawn il-materjali perikolużi u jiġu newtralizzati.

Bħala miżura ta’ prekawzjoni, u fid-dawl tal-periklu li ħoloq dan il-materjal, 140 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli ta’ kwalità tajba kellu jitpoġġa fi kwarantina biex mbagħad jintrema fil-miżbla.

Dan qalitu l-WasteServ fi stqarrija mibgħutha minnha, fejn stqarret li hija tikkundanna dan l-aġir u appellat lill-pubbliku biex ikun iktar responsabbli. Sitwazzjonijiet bħal dawn mhux biss ipoġġu l-ħajja tal-impjegati tagħhom f ’riskju iżda huma ta’ theddida serja għall- operat u l-infrastruttura l-ġdida tagħha.

Dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm iktar serji, speċjalment meta wieħed iqis il-preżenza ta’ materjali, bħal karta, plastik, u kartun, li faċilment jieħdu n-nar.

“Huwa importanti ħafna li skart perikoluż, inkluż flares, batteriji, tagħmir elettroniku, splussivi jew materjali oħra li faċilment jieħdu n-nar jintremew kif suppost biex jiġu evitati inċidenti simili fil-futur,” qalet WasteServ.

“Irridu nfakkru lill-pubbliku li materjali bħal dawn jistgħu jintremew b ’mod sigur f’ wieħed miċ-Ċentri għall-Iskart Goff tagħna.”

“Bħala WasteServ, qed naħdmu bla heda biex nilħqu l-miri tar-riċiklaġġ tal-pajjiż. Madankollu, irridu nenfasizzaw li s-suċċess tagħna jiddependi ħafna mill-kooperazzjoni tal-pubbliku. Fuq kollox, il- kumpanija tagħna tipprijoritizza s-sikurezza tal-impjegati tagħha u l-infrastruttura tagħha.”

Sport