Thursday, December 19, 2024

Starbucks bi tkeċċijiet inġusti ta’ ħaddiema li jirrappreżentaw l-unjins Amerikani

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’perjodu ta’ ftit xhur iktar minn 20 ħaddiema li jirrappreżentaw l-unjins Amerikani tilfu l-impjieg tagħhom mal-kumpanija ġganteska “Starbucks”. Din il-mossa inġusta mill-eżekuttiv tal-kumpanija qiegħda xxejjen u tnaqqas id-drittijiet tal-ħaddiema kollha tagħha li jixtiequ jissieħbu ma’ unjin. Il-kwistjoni industrijali tmiss lil eluf ta’ nisa u rġiel li jaħdmu f’aktar minn 250 ħanut mifruxa mal-Istati Uniti kollha.

F’investigazzjoni li saret mill-ġurnal “The Guardian” ingħad li l-ħaddiema ta’ din il-katina ta’ stabbilimenti popolari għall-kafè famuż tagħha, għamlu petizzjoni biex isiru l-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-unjin tagħhom u kien hawn li beda l-inkwiet. Dan minħabba li l-kap tagħhom, Howard Schultz, ħareġ pubblikament kontra mossa bħal din. Schultz, sfaċċatament, iddikjara li huwa kontra li l-ħaddiema tiegħu jissieħbu f’unjin “għax ma rridx forzi esterni li jiddettaw jew iħarbtu lilna jew dak li nagħmlu”.

F’reazzjoni għal din l-inġustizzja mal-ħaddiema ta’ Starbucks qomoż il-Bord Nazzjonali tar-Relazzjonijiet Industrijali Amerikan (NLRB). Dan il-bord min-naħa tiegħu ħareġ għonqu biex jiddefendi lill-ħaddiema u beda b’serje ta’ lmenti uffiċjali kontra Starbucks. 

Dan il-bord b’saħħa qiegħed jitlob li Starbucks jerġa’ jimpjiega  lis-seba’ ħaddiema li tkeċċew f’Memphis u Tennesse; tlieta oħra f’Overland u Kansas; sitta f’Buffalo u New York; u tlieta f’Arizona. L-NLRB qiegħed jitlob li mhux biss dawn jingħataw lura l-impjieg tagħhom iżda li jitħallsu b’lura l-paga kollha li tilfu minn mindu tkeċċew mix-xogħol.

Jekk ma jintlaħaqx ftehim bejn il-bord li qiegħed jirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema u l-kumpanija Starbucks, dawn il-każijiet ta’ tkeċċija inġusta se jmorru quddiem tribunal apposta.

Ekonomija

Sport