“Wara r-riżultati pożittivi li ksibna fit-tmexxija tal-OSCE fl-2024 u fis-sentejn tagħna bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-istedina ta’ din il-ġimgħa sabiex inkunu fost ftit mexxejja barranin għall-inawgurazzjoni tal-President Donald J. Trump f’Washington tkompli tgħolli ’l fuq isem pajjiżna madwar id-dinja.” Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg f’kummenti ma’ L-Orizzont ftit tas-sigħat biss wara li Trump ħa l-ġurament tal-ħatra bħala s-47 President tal-Istati Uniti.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li Malta minn dejjem kellha relazzjoni tajba mal-Istati Uniti u f’dawn l-aħħar snin ħdimna flimkien f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, mhux l-inqas l-OSCE u n-Nazzjonijiet Magħquda. “Ħdimna flimkien għaliex kellna għanijiet komuni, fosthom il-waqfien mill-ġlied f’Gaża u l-ħarsien tat-tfal f’kunflitti armati madwar id-dinja. Fl-istess waqt komplejna nsaħħu r-rabtiet tagħna f’diversi oqsma ekonomiċi, kif ukoll fl-iskambji soċjali u kulturali bejn iż-żewġ popli. L-Istati Uniti huwa wkoll pajjiż b’waħda mill-akbar diaspori Maltin.
“Malta ħadmet mill-qrib mal-amministrazzjoni tal-eks President Joe Biden fis-snin li għaddew, bħalma għamlet mal-ewwel Presidenza ta’ Trump fis-snin ta’ qabel. Issa nħarsu ‘l quddiem li nkomplu f’din id-direzzjoni fl-erba’ snin li ġejjin ukoll.
“Bħala membri tal-Unjoni Ewropea, se nkomplu wkoll nirsistu biex l-Ewropa tkompli ssaħħaħ il-ħbiberija u l-kollaborazzjoni transatlantika. Huwa biss permezz tal-għaqda u l-kollaborazzjoni globali li nistgħu negħlbu l-isfidi ewlenin li jaffettwaw lil kull pajjiż, fosthom it-tibdil fil-klima, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà ċibernetika, il-migrazzjoni, u oħrajn,” tenna d-Deputat Prim Ministru.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela, permezz ta’ kitba fuq il-pjattaforma X, semma wkoll kif din l-istedina kienet tissenjala l-impenn ta’ Malta li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-Istati Uniti.