Fi stqarrija, Hamrun Spartans School of Excellence irringrazzjaw lil Stefan Sultana, li wara 44 sena ta’ servizz leali u dedikat lill-klabb ta’ Hamrun bħala player u kowċ, għażel li jagħlaq dan il-kapitlu fil-vjaġġ tiegħu mal-klabb.
Huma qalu li din id-deċiżjoni ġiet milqugħa b’sens ta’ dispjaċir, hekk kif Stefan mhux biss huwa parti integrali mill-istorja tal-klabb, iżda figura ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ li kellhom il-privileġġ jitħarrġu taħtu u jitgħallmu mill-esperjenzi tiegħu.
Hamrun Spartans School of Excellence tennew li għalinhom kien dejjem unur li leġġenda ta’ Hamrun Spartans imexxi u jiggwida lill-kowċis u lit-tfal tan-nursery, b’dedikazzjoni, professjonalità u mħabba kbira lejn il-klabb.
Filwaqt li jirrispettaw id-deċiżjoni tiegħu, huma esprimew il-gratitudni tagħna għall-kontribut imprezzabbli li ta matul dawn is-snin kollha. Huma qalu li l-impatt tiegħu se jibqa’ jinħass fil-klabb u f’ħafna plejers u kowċis li ħadmu miegħu.
Dan filwaqt li awguraw lil Stefan kull suċċess fil-proġetti futuri tiegħu, kemm sportivi kif ukoll personali.
“Stefan, grazzi minn qalbna. Il-kontribut tiegħek se jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ Hamrun Spartans u f’qalb il-familja Spartana!”


