Friday, December 13, 2024

STENNIJA GĦALL-BUDGET

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru ħabbar li nhar it-Tnejn 11 ta’ Ottubru, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana se jkun qed jaqra l-ewwel budget tiegħu. Budget li qed jiġi mfassal wara żmien ta’ sfidi li ġabet magħha il-pandemija. Sfidi li ma qatgħulnix qalbna.

Ħdimna bla heda bħala gvern biex nagħtu tweġiba għal dawn l-isfidi. Ittieħdu miżuri li swew lill-pajjiż miljuni kbar ta’ ewro iżda li kienu meħtieġa biex inżommu l-ekonomija għaddejja u niżguraw li ma jintilfux impjiegi. 

Dawn il-miżuri taw il-frott mixtieq u llum, meta nħarsu lura, ninnutaw li l-għanijiet li ridna nilħqu permezz ta’ dawn il-miżuri irnexxilna nilħquhom. Pajjiżna irnexxilu jegħleb bil-kbir dan iż-żmien ta’ sfida iżda issa irridu nibdew inħarsu ‘l quddiem u nagħmlu l-għażliet meħtieġa biex pajjiżna jkun imħejji għal ġejjini bl-aqwa mod possibli. 

Fil-konsultazzjoni li qed issir bi tħejjija għall-budget, qed ssir mistoqsija importanti – X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek? Din hija mistoqsija li magħha ġġib riflessjonijiet importanti li jwasslu għal għażliet importanti għaż-żmien li ġej. Ilkoll kemm aħna nixtiequ li uliedna jkunu aħjar minnha. Ilkoll nagħmlu dak kollu possibbli biex uliedna jimxu ‘l quddiem. Il-gvern dak li se jkun qed jagħmel biex jiżgura li pajjiżna jerġa’ jaqbad ir-rotta ta’ tkabbir ekonomiku u jkompli javvanza.

Diġà tħabbret għażla importanti li qiegħed jagħmel dan il-gvern. L-għażla li l-poplu Malti ma jkunx mgħobbi b’piż ta’ taxxi ġodda. Għal pajjiż li għadda minn żmien ta’ pandemija, il-fatt li qed nagħżlu li ma nżidux piżjijiet ġodda turi biċ-ċar kemm dan il-gvern huwa kontra l-politika tal-awsterità. 

Il-gvern Nazzjonalista, meta kien iffaċċjat bil-kriżi finanzjarja internazzjonali, Ii kienet kriżi ferm iżgħar minn dik li ffaċċjajna bil-pandemija għażel bil-kontra. Għażel l-awsterità. Għażel li jitfa’ l-piż fuq in-nies. Għażel li jgħabbi lil poplu b’piżijiet li taħthom il-poplu kien għoddu beda jogħtor. 

L-għażliet li qed isiru bħalissa huma għal kollox differenti. Aħna nemmnu f’politika li tixpruna t-tkabbir ekonomiku. Politika li tgħin biex jinħoloq il-ġid billi jkollna tkabbir ekonomiku sostenibbli li jippermetti lill-Gvern ikabbar id-dħul tiegħu minn kull settur tal-pajjiż. 

Dan huwa gvern li jemmen bi sħiħ li fl-għażliet li jsiru, fejn in-nies jingħataw l-opportunità li jimxu ‘l quddiem. Li jkunu parti mis-suċċess tal-pajjiż. Li jibbenefikaw mis-suċċess li jkun qed jikseb il-pajjiż. Għalhekk, irridu nagħmlu għażliet li jiżguraw tkabbir ekonomiku li fl-istess waqt itejbu il-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

Il-poplu llum qiegħed jistenna l-budget għaliex għandu idea ċara x’għażliet iwettaq dan il-gvern. Għandu idea ċara kemm inbiddlet ir-rotta ta’ kif titħaddem u titmexxa l-ekonomija mill-mod kif kienet titmexxa fi żmien gvern Nazzjonalista. 

Il-poplu jaf li dan il-gvern jara kif jagħti mhux jieħu. Jara kif iżid l-opportunitajiet u mhux iżid il-piżijiet. Id-differenza tat-tmexxija ħalliet il-frott u se tkompli tħalli l-frott għax hija tmexxija li tqanqal il-fiduċja. Tmexxija li tinvesti fin-nies. Tmexxija li mhux biex twieġeb għal ħtiġijiet tal-lum iżda hija tmexxija li tħejji lil pajjiżna bl-aħjar mod għal għada.

Ekonomija

Sport