Tuesday, April 30, 2024

Imwettqa 79% tal-miżuri tal-budget għal din is-sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ħabbar li din is-sena sa issa twettqu 79% tal-miżuri li ġew ippreżentati fil-budget 2021. Din hija rata ta’ implimentazzjoni ta’ 7% aqwa mill-medja perċentwali f’dawn l-aħħar tmien snin. 

F’konferenza stampa, is-Sur Cutajar spjega kif għat-tmien sena konsekuttiva, l-id amministrattiva tal-Gvern ħejjiet id-dokument “It-Twettiq tal-Budget” biex tagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-budget għal din is-sena. 

Huwa qal li matul din is-sena twettqu b’kollox 364 miżura, li jinkludu miżuri tal-Budget 2021 kif ukoll 159 miżura oħra li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u li twettqu fl-2021. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni kompla jgħid li fil-budget għal din is-sena, 49% kienu miżuri soċjali, 26% miżuri ambjentali u 25% indirizzaw il-ħtiġijiet ekonomiċi. Qal ukoll li għat-tieni sena, kull miżura ġiet allinjata mal-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. Malta tinsab fit-33 post minn 165 pajjiż f’dan il-qasam.

Is-Sur Cutajar semma li: “jekk wieħed jara l-miżuri wieħed isib ix-xiri tal-vaċċin kontra l-Covid-19, l-iskema tal-vouchers, il-community policing, l-internet b’xejn għal studenti li jkomplu jistudjaw wara s-sekondarja, is-servizz tal-fast ferry, l-immodernizzar taċ-ċentri tas-saħħa, titjib fit-telecare u skemi biex aktar nies isiru sidien ta’ djarhom.

“Jekk wieħed jara miżuri li ntirtu minn sena għall-oħra, hemm il-proġett tas-Central Link, il-bini tal-breakwater għas-sajjieda f’Marsaxlokk u l-bini ta’ skola ġdida fil-Qawra fost oħrajn.”

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni tenna wkoll li f’dawn l-aħħar tmien snin, is-Servizz Pubbliku wettaq b’kollox 1,970 miżura tal-Budget. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana spjega li x-xogħol fuq il-budget għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej, jinsab fl-aqwa tiegħu.

Huwa semma kif f’dawn l-aħħar sena u nofs, Malta rnexxielha tindirizza b’suċċess l-isfidi li kellha quddiemha fosthom fis-saħħa, l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż. Qal li l-miżuri kollha li qed jitwettqu u l-miżuri għas-sena d-dieħla ma jistgħux iseħħu li kieku r-rota ma tibqax iddur.

il-Ministru Caruana qal li: “ir-rota tibqa’ ddur sakemm is-suq tax-xogħol jibqa’ b’saħħtu. Jekk is-suq tax-xogħol jieqaf, l-ekonomija tbati. Jekk tbati l-ekonomija jispiċċa jbati l-fiskal tal-Gvern. Sabiex nassiguraw li l-programm kollu tal-Gvern fi kwalunkwe qasam jibqa’ għaddej hemm bżonn ta’ finanzjament. It-twettiq isir biss jekk kemm-il darba jkun hemm ir-riżorsi.

“Nhar it-Tnejn se nirrakkontaw storja ta’ kif dan il-pajjiż irnexxielu bid-diffikultajiet kollha imma b’determinazzjoni wettaq miżuri li salvaw l-ekonomija tal-pajjiż. Se nippreżentaw pakkett ta’ miżuri mill-aktar pożittiv lill-poplu Malti u Għawdxi li se jkompli jtejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Caruana. 

Sport