Raġel ta’ 35 sena kellu s-sentenza ta’ sena ħabs mibdula għal waħda ta’ probation wara li l-Qorti qieset li huwa rrijabilita ruħu mill-problema tal-vizzju tad-droga u ma jidhirx li għadu maħkum minn dan il-vizzju.
Ryan Refalo kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ġunju 2012, kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u li ġarr sikkina mingħajr ma kellu liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Huwa kien instab ħati wkoll li rreżista lill-Pulizija u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq wieħed mill-uffiċjali, kif ukoll li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija jew ipprova jbiddel it-traċċi ta’ reat.
Ta’ dan huwa kien instab ħati u kien ikkundannat 12-il xahar priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €1,300. Refalo iżda kien appella mis-sentenza, bl-appell jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Il-Qorti bdiet billi nnotat li s-sentenza li għaliha kien ikkundannat l-appellant kienet taqa’ fil-parametri tal-liġi u ma teċċedix is-sentejn priġunerija billi huwa kien ikkundannat sena priġunerija mill-Qorti.
Min-naħa l-oħra, innotat li l-akkużat illum m’għadux maħkum mill-vizzju tad-droga, għandu impjieg u familja biex imantni, apparti li għandu l-appoġġ fl-ambjenti familjari tiegħu. Intqal li mill-aspett ta’ mġiba għalkemm ma kienx hemm rapporti negattivi f’dan ir-rigward, madanakollu jidher li huwa jabbuża mill-konsum tal-alkoħol u għandu wkoll problemi ta’ saħħa mentali, fatturi li jirrenduh vulnerabbli.
Il-Qorti qalet ukoll li l-ammont tad-droga involuta kien wieħed żgħir ta’ 3.83 grammi bil-kokaina misjuba jkollha purità ta’ 30%. Apparti minn hekk, mill-fedina penali ma jidhirx li hemm kundanni preċedenti kontra l-liġijiet tad-droga. Minn dawn il-fatturi, qalet il-Qorti, jidher li l-akkużat huwa kandidati idonju biex favur tiegħu jkunu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(9a) tal-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta, u allura hemm lok li tkun applikata l-piena indikata fl-Artikolu 22(9a) tal-Kap.101, sabiex l-appellant ikun jista’ jimxi għar-riforma totali f’ħajtu.
Kien għalhekk li laqgħet parzjalment l-appell imressaq mill-akkużat, u filwaqt li kkonfermat il-parti fejn instabet ħtija fil-konfront tiegħu, għajr għal dik li pprova jbiddel it-traċċi ta’ reat u illiberatu minnha, poġġietu taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin. Dan sabiex huwa jkun jista’ jingħata l-kura għall-problema tal-alkoħol u għall-kundizzjoni ta’ saħħa mentali afflitt minnha.
Il-Qorti kkonfermat ukoll il-parti tas-sentenza fejn Refalo kien ingħata multa ta’ €1,300 u kien ordnat biex iħallas l-ispejjeż peritali fl-ammont ta’ €274.
L-Avukati Franco Debono, Herman Mula u Marion Camilleri dehru għal Refalo.


