Malta …………0
Turkija ……….3
It-tim nazzjonali Malti tan-nisa tilef l-aħħar logħba tiegħu mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-tazza tad-dinja 2027 meta fis-Centenary Stadium ġew megħluba mit- Turkija bl-iskor ta’ 3-0.
Il-kowċ ta’ Malta Manuela Tesse kellha tgħaddi mingħajr seba’ plejers li kollha jinsabu mweġġgħin u dawn huma Stephania Farrugia, Rebecca Bajada, Sara Saliba, Leah Ayres, Haley Bugeja, Maya Lucia u Yulya Carella.
L-avversarji tal-Maltin kienu t-Turkija li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika u li kienu ġejjin minn rebħa kontra l-Irlanda ta’ Fuq bl-iskor ta’ 2-1.
Fl-ewwel laqgħa ta’ bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet li ntlagħbet lura għat-3 ta’ Marzu li għadda f’Istanbul, it-Turkija rebħu 3-0.
Kif mistenni, it-Torok iddominaw il-pussess bil-Maltin li bdew jiddefendu kif setgħu.
It-Torok marru minn fuq fis-seba’ minuta meta wara cross ta’ Melike Pekel, kienet id-difensur Maltija Alexandra Gatt li fit-tentattiv li tikklerja, xeħtet fix-xibka tagħha stess.
Fil-11-il minuta, kien hemm cross ta’ Altunkulak u l-istess Pekel bir-ras xeħtet għoli.
Fit-32 minuta kienet il-goalkeeper Maltija Maya Cachia li laqgħet tajjeb xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ebru Topcu.
It-Turkija rduppjaw l-iskor fis-37 minuta meta wara cross ta’ Ilayda Civelek, kienet Ece Turkoglu li minn quddiem il-lasta xeħtet ġewwa.
Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, kienet Eda Karatas li wara azzjoni ta’ freekick, minn quddiem il-lasta xeħtet barra.
Bl-ewwel taqsima li għalqet 2-0 favur it-Torok.
Fil-51 minuta, it-Turkija għamluhom tlieta meta wara xogħol tajjeb ta’ Ilayda Civelek, kienet Selen Altunkulak li waħidha quddiem il-lasta xeħtet il-ballun fix-xibka.
Fit-58 minuta kienet Maya Cachia li salvat b’mod akrobatiku xutt ta’ Ebru Topcu.
Mas-siegħa logħob kienet is-sostituta Melike Ozturk li x-xutt djagonali tagħha spiċċa għoli għat-Turkija.
Fis-76 minuta kienet Kader Hancar li indirizzat freekick li spiċċa għoli.
B’hekk Malta temmew dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni bl-ebda punt minn sitt partiti.
Malta: Maya Cachia, Alexandra Gatt (Nicole Sciberras 69 min), Tammy Falzon (Amy Catania 77 min), Emma Lipman, Emma Flannery (Veronique Mifsud 83 min), Rachel Cuschieri, Kailey Willis, Maria Farrugia, Jade Flask (Nyorah Celeste 69 min), Shona Zammit, Brenda Borg (Emma Xuereb 69 min) .
Kowċ: Manuela Tesse
Turkija: Gamze Yaman, Fatma Sakar (Eke Tecmen 78 min), Eda Karatas, Selen Altunkulak, Melike Pekel (Malike Ozkur 56 min), Ebru Topcu, Miray Cin (Vildan Kardesler 56 min) , Kezban Tag, Ece Turkoglu (Kader Hancar 46 min), Ilayda Civelek, Cansu Kaya (Halle Hussein 46 min).
Kowċ: Necla Gungor
Referee: Sabina Bolic (Kroazja)
Assistenti: Sanja Rodjak Karsic, Maja Petravic.
Ir-Raba’ Uffiċjal: Ivana Martincic.
Skorers: A. Gatt 7 og, E.Turkoglu 37, S. Altunkulak 51 (T)
Ammoniti: T. Falzon, S. Zammit (M); K. Tag (T)


