Fil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat ingħatat l-aħħar tislima lil Jonathan Cardona.
Cardona kien uffiċjal pubbliku li serva f’diversi karigi ta’ tmexxija, fosthom bħala Kap Eżekuttiv tal-Enemalta u tal-Aġenzija Residency Malta. Qabel, kien mexxa wkoll entitajiet marbuta mal-identità u ċ-ċittadinanza Maltija.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċipriet tar-Rabat, Fr Joe Mizzi fakkar kemm Jonathan kien ħabib tassew li seta’ jammira fih l-umiltà, il-paċenzja u kemm kien pożittiv u ċajtier minkejja l-isfidi li kien għaddej minnhom.
Qal li Jonathan kien bniedem li ta servizz u li xogħolu dejjem għamlu b’dedikazzjoni kbira u bi professjonalità. Cardona kien deskritt ukoll bħala persuna ħabrieki, bieżel u li dejjem għażel li jgħin lil dak li jkun mingħajr daqq ta’ trombi.
Preżenti għal funeral ta’ Jonathan Cardona, kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu, flimkien mal-qraba u l-ħbieb ta’ Cardona.


