Wednesday, May 15, 2024

Aktar minn 36,000 studenti fl-iskejjel tal-Gvern

Aqra wkoll

Is-sena skolastika 2021-2022 li fetħet f’nofs il-ġimgħa li għaddiet rat aktar minn 36,000 studenti jirritornaw lura lejn il-bankijiet tal-iskola fil-klassijiet imxerrdin f’106 skola u ċentri edukattivi madwar il-pajjiż. B’hekk issa l-iskejjel tal-Gvern jinsabu miftuħin kollha wara li llum bdew jattendu wkoll l-iskola tfal fil-livell ta’ Kinder 1.

Din is-sena hemm 5,981 li qed jattendu l-klassijiet tal-Kindergarten, 15,827 fil-klassijiet tal-iskejjel primarji, 12,143 fis-sekondarji u 1,987 post-sekondarji. In-numru ta’ studenti fil-klassijiet tal-iskejjel primarji huwa wieħed ogħla minn snin oħrajn għaliex kien hemm ħafna aktar reġistrazzjonijiet ta’ studenti għal dawn il-klassijiet.

L-istudenti huma mqassma f’106 skola u ċentri edukattivi, b’total ta’ 7,071 bejn kapijiet ta’ skejjel, edukaturi, LSEs, KGEs u staff amministrattiv jieħdu ħsieb lil dawn l-istudenti.

“Bil-protokolli kollha maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa f’posthom u bl-iskejjel kollha ċertifikati minn assessuri li raw li kull skola għandha dak kollu li huwa mitlub minn dawn il-protokolli, qed naraw id-determinazzjoni u l-impenn tal-edukaturi biex it-tfal ikomplu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fejn l-aħjar li jistgħu jieħduha – fl-iskejjel tagħna,” qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Minn dan ix-xahar ukoll, daħlet fis-seħħ ir-riforma fil-Liġi tal-Edukazzjoni li tnediet f’Settembru u li kienet għaddiet b’vot unanimu mill-Parlament fl-2019. Ir-riforma li saret f’din il-liġi taħseb għal titjib fuq il-liġi preċedenti u wkoll iddaħlu kunċetti ġodda li l-għan aħħari tagħhom hu t-tisħiħ tal-edukazzjoni li tingħata lill-istudenti.

Sport