L-entużjasti tal-mużika u l-festivals għandhom appuntament jistenniehom wara l-bieb hekk kif fis-16 ta’ Settembru se tkun qiegħda tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ Venti Music Festival. Kollox jibda fit-8:00 p.m fil-pjazza tal-Kortil tal-Granmastru f’Ħal Qormi u l-artisti lokali li se jkunu qegħdin joffru spettaklu mistennija jagħtu togħma mużikali mill-aqwa mifruxa fuq ġeneri u żminijiet imħallta biex jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
“Ma nistgħux nkunu iktar eċitati minn hekk bl-aħħar preparamenti ta’ din is-sena. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet wara ż-żmien iebes tal-pandemija l-lineup ta’ din is-sena għandu jħalli impatt iktar b’saħħtu bi stennija kbira għall-wirja ta’ Ivan Grech u l-band tiegħu, Amber u Kersten Graham fost talent ieħor Malti li se jonorawna bil-vuċijiet tagħhom”, qalilna wieħed mill-organizzaturi.
Kull min jixtieq aktar dettalji dwar dan il-festival huwa ġentilment mitlub iżur l-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/ventimusicfest li se tkun qiegħda taġġorna bl-aħħar żviluppi mhux biss lill-komunità Qormija, iżda lil dawk kollha li lesti jimmarkaw din l-attività fuq il-kalendarju tal-avvenimenti tagħhom biex jesperjenzaw lejla indimentikabbli oħra.