Wednesday, October 9, 2024

STILEL F’TIM MALTA

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef
Deputat Laburista

Aqra wkoll

Jekk tista’ tiddeskrivi lil Robert Abela f’kelma waħda hi pragmatiku. Mhux it-tip ta’ ħafna xinxilli u lanqas ta’ ħafna kliem. Iżda meta jagħtik kelma trid tqisha u tagħraf eżatt il-valur tagħha. L-ewwel nett għax ikun għarbel sew lilek, il-kelma li tak u fejn irid iwasslek. It-tieni għaliex hu wieħed mill-aktar nies sensibbli u prattiċi li qatt rajt fejn il-prattiċità jistma ferm aktar mit-teorija. 

Fl-ewwel diskors għal massa post-covid għażel sew it-ton, il-ġesti u l-vokabularju li jwassal lil Maltin u Għawdxin. Poplu li bħal pajjiżi oħra xeba bir-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-Covid-19 biss bid-differenza ta’ pajjiżi oħra ma ġġarrafx minnha u serva wkoll ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn minkejja ċ-ċokon tiegħu. 

Il-kobor tagħna bħala nazzjon hu fil-ħiliet ta’ mexxejja li jagħrfu jaqraw iż-żminijiet, jaħtfu l-opportunitajiet u b’reżiljenza liema bħala jżommu sodi quddiem l-isfidi. Robert Abela f’qasir żmien wera dan kollu. 

Bl-aktar mod assertiv ddeskriva b’mod ċar xi jsarraf u kif irid isarraf ħidmet il-Partit Laburista. Irid tim mimli enerġija u entużjażmu. Irid tim modern li tgħallem mill-passat imma ffukat fuq il-futur. Tim magħmul minn ħaddiema li japprezzaw lil min iħaddimhom b’lealtà u rispett reċiproku. Għalih Malta mhijiex biss dik ekonomika imma jrid pajjiż ġust ambjentalment, ġust soċjalment u korrett fis-saltna tad-dritt. 

It-tiġdid li aċċenna għalih mhux retoriku. Bl-aktar mod eleganti fetaħ għajnejn kulħadd biex jgħarfu fejn irid iwassal lil Malta. 

L-għajta ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox irid jimmodernizaha bi stil ta’ ħajja li hu iktar inklussiv, tolleranti u kwalitattiv. Minn enerġija għal drittijiet ċivili, Il-Prim Ministru jrid metodi ġodda ta’ kif nikkonsultaw u attitudni deċiżiva li tkabbar l-effiċjenza tagħna bħala Gvern, komunità u nazzjon. 

L-indipendenza Maltija trid tkun ukoll individwali fejn kull persuna jagħżel liema ħajja jixtieq waqt li jikkontribwixxi għal soċjetà li min hu batut jingħata l-għodda biex iħaffef il-pass waqt li min jinsab fuq quddiem ma jaqax lura. 

L-element kollettiv ħareġ ma’ kull frażi mill-qalb li l-mexxej tiegħi kellu għalina lkoll f’Ta Qali. Lilna bħala deputati tal-poplu tagħna emfasizzalna r-responsabbiltà li nikkonsultaw u ma ninjorawx sinjali aktar minn qatt qabel. Lil Partit Laburista tah ordni biex jgħolli l-livell politiku Malti. L-ideat, il-kritika u l-implimentazzjoni ta’ politika bbażata fuq l-imħabba iridu jwassluna għall-pass li jmiss. Irid politika li tara lil Malta isbaħ u iktar nadifa. 

Għalija din il-viżjoni niżlet ta’ balzmu fejn nisma l-Prim Ministru jesiġi li l-flus mhux kollox fil-kejl tagħna. Il-ħajja tkun moħlija jekk titkejjel biss bl-introjtu finanzjarju imma jkollna deficit soċjali, kulturali u ambjentali. 

Robert Abela determinat biex l-istillel ta’ Tim Malta ma’ jkunux xi bażużli partiġjani jew xi negozjanti primi. Anqas ma jrid li jispikkaw iktar il-ministri jew uffiċċjali tal-Partit. L-għajta tiegħu kienet ċara: iridna lkoll bħala l-istillel ta’ Tim Malta. Għaliex kif qal tajjeb hu, mingħajr l-input ta’ kull wieħed aħna m’aħna xejn.

Is-solidarjetà u r-rispett lejn xulxin u lejn artna jkomplu jsawwruni f’nazzjon rebbieħ quddiem l-isfidi. Poplu bi Gvern imfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea. Pajjiż li għandu Prim Ministru li jitgħaxxaq jara lilna lkoll nispikkaw f’ħajjitna. 

Din hi l-Malta li rrid ngħix fiha. Dan hu l-Prim Ministru li se nkompli nagħti ħilti biex narah imexxiha. 

Jean Claude Micallef MP | 3 distrett

Sport