Sunday, November 24, 2024

Stilista tax-xagħar tferraħ tfal b’diżabilità

… toffri servizz b’xejn biex tkompli xxerred l-imħabba lejn “dawn l-anġli”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara l-kontroversja li nqalgħet ftit tal-jiem ilu fejn kien hemm min allega illi d-diżabilità ġejja mid-dnubiet passati, b’solidarjetà ma’ dawk b’diżabilità, stilista tax-xagħar Maltija qiegħda toffri servizz bla ħlas lil tfal b’diżabilità biex tkompli xxerred l-imħabba lejn “dawn l-anġli”. 

Ella, li għandha 13-il sena, kienet l-ewwel tfajla li gawdiet mill-ġenerożità ta’ Dorianne Fenech, meta s-Sibt li għadda marret tagħmel xagħarha fil-ħanut tagħha “Just A Trim” li jinsab f’Ħal Qormi. Hija ġiet milqugħa mill-impjegati tal-ħanut li għamlu ħilithom kollha biex din it-tfajla b’diżabilità tkun komda kemm jista’ jkun.

Tassew li l-ġenerożità tal-Maltin ma tintweriex biss bl-għoti tal-flus fil-maratoni imma anke b’inizjattivi bħal dawn. F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Fenech qaltilna li ħassew li kellhom jieħdu din l-inizjattiva għaliex dawn it-tfal għalihom huma “anġli”. 

Qalet li kienet staqsiet lil omm Ella x’tema tippreferi li jagħmlu lil bintha u għamlulha kollox ta’ “Wednesday” għaliex hija tħobb din is-serje televiżiva. Min-naħa tagħha, Ella għażlet tliet kuluri differenti f’xagħarha bħala extensions. 

“Dan is-servizz qed noffruh lit-tfal b’diżabilità. Napprezza li miegħi jingħaqdu aktar stilisti tax-xagħar. Il-bieb tas-salon tagħna għal dawn it-tfal jinsab miftuħ biex inferrħuhom,” qalet Fenech.

L-istorja tal-kundizzjoni ta’ Ella nistgħu ngħidu li bdiet mat-twelid tagħha. Hija twieldet xahar qabel iż-żmien u minn hemmhekk it-tobba kienu diġà jafu li hija għandha s-Central Core Disease – kundizzjoni li m’hawnx bħala f’Malta u li taffettwa l-muskoli, is-sistema respiratorja, u l-għadam. 

Bdiet timxi ta’ tliet snin u ommha, li tuża s-siġġu tar-roti, bdiet tinnota li hemm traċċi tal-awtiżmu. Fil-fatt, it-tobba taw id-dijanjożi li hija għandha l-awtiżmu u l-ADHD. Sal-lum il-ġurnata hija ma tistax tiġri jew taqbeż bħalma jagħmlu tfal oħra. Minkejja dawn l-isfidi kollha, Ella tinsab determinata li tkompli għaddejja b’ħajjitha. 

Għal Ella dan is-servizz kien ifisser ħafna, u b’hekk qiegħda tħossha aktar parti mis-soċjetà. Ommha Marylene, li għandha diżabilità, tgħid li minkejja l-kundizzjoni tagħhom, ma tħoss li għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. “Għandna wkoll qalb, inħossu, inħobbu noħorġu kif tagħmel Ella u anke tħobb tagħmel xagħarha.” 

Marylene żiedet tgħid li kull sitt xhur Ella jkollha bżonn issiefer l-Ingilterra għal terapija intensiva. Minħabba li l-ispejjeż huma kbar, il-familja waqqfet ukoll NGO u paġna fuq Facebook bl-isem ta’ Ella’s Endless Battle biex min irid jista’ jikkontribwixxi b’donazzjoni finanzjarja għal din il-kawża ġusta.

Ara iktar: https://www.facebook.com/TalkNewsMalta/videos/294966906816749

Sport