Wednesday, June 24, 2026

Stqarrija f’waqtha

Aqra wkoll

Il-pożizzjoni li kompliet tieħu Malta fir-rigward tad-diskussjonijiet li għaddejjin fl-Unjoni Ewropea dwar il-budget tal-fondi Ewropej għas-snin 2028–2035, ħaqqhha kull appoġġ. Il-Prim Ministru, fl-istqarrija ministerjali tiegħu fil-Parlament, ta spjega estensiva dwar il-pożizzjoni li qed ikompli jieħu l-gvern Malti biex jiżgura li ċ-ċirkostanzi partikolari li għandu pajjiżna jkunu riflessi fit-tfassil tal-programm il-ġdid.

Pajjiż Gżira

Pajjiżna, gżira f’nofs il-Mediterran, qed jirnexxilu jagħmel suċċess ekonomiku mingħajr preċedent. Iżda l-fatt li pajjiżna huwa gżira, jagħtina realtajiet li qatt ma nistgħu ninfatmu minnhom. Gżira dejjem ikollha sfidi fejn tidħol il-konnettività. Jekk min jgħix fil-kontinent jista’ jivvjaġġa bl-art, bl-ajru u forsi anke bil-baħar, pajjiżna dejjem jiddependi mill-konnetività tal-ajru u tal-baħar.

Din hija biss realtà waħda. Nista’ nsemmi eżempju ieħor ta’ konnettività li joffri sfida. Fejn tidħol l-enerġija, minħabba l-fatt li pajjiżna huwa gżira, proġett biex isir interconnector bejn Malta u Sqallija, jew isir gas pipeline, huwa ħafna aktar kumpless peress li jrid isir xogħol taħt il-baħar u jiswa ħafna aktar minn kieku jkun proġett fuq l-art.

Dawn huma żewġ ezempji li jfissru wħud mill-isfidi li għandu pajjżna peress li huwa gżira. Għalhekk, biex verament jitħaddem il-prinċipju ta’ koeżjoni fl-Unjoni Ewoprea, il-programm ta’ fondi il-ġdid irid jindirizza dawn ir-realtajiet li huma dejjiema għal pajjiżna.

Politika għall-Gżejjer

Il-Kummissjoni Ewropea ftit taż-żmien ilu permezz tal-Kummissarju Fitto nediet proċess ta’ tfassil ta’ politika dwar il-gżejjer fl-Unjoni Ewropea. Dan il-proċess għandu importanza kbira għal pajjiżna u għalhekk jeħtieġ li l-gvern jibqa’ jsostni dan il-proċess. Iżda il-policies fuq il-karta u mhux imħaddma jew iffinanzjati, mhux se joffru ebda soluzzjoni.

Din il-politika li qed titfassal jeħtieġ li tkun lesta fi żmien adegwat biex l-għanijiet tagħha jkunu riflessi fil-budget il-ġdid tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qafas tal-Programm

Il-Kummissjoni Ewropeja, fil-proposta li ressqet fis-16 ta’ Lulju 2025 bagħtet messaġġ ta’ riforma fl-istruttura fil-mod kif jitħaddem il-budget ta’ Fondi Ewropej. Il-messaġġ kien li jkun hemm aktar flessibiltà iżda l-analiżi tal-proposta bdiet twassal sabiex l-istess proposta kien fiha aktar kumplessitajiet fit-tħaddim tal-budget tal-fondi Ewropej.

Il-governanza ta’ dawn il-fondi hija xi haġa important ferm iżda il-kundizzjonalitajiet li qed jiġu proposti jistgħu jwasslu għal diffikultatjiet ferm akbar biex dawn il-fondi jistgħu jitħaddmu.

Pajjiżna fl-aħħar xhur għamel diversi sottomissjonijiet f’dan ir-rigward b’mod partikolari biex il-programm il-ġdid ma jkunx imfassal b’mod li t-tħaddim tiegħu jxejjen l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni kif wkoll li jpoġġi lil xi pajjiżi, fosthom Malta, fi żvantaġġ.

Kien għalhekk importanti dak li stqarr il-Prim Ministru Robert Abela fl-istqarrija parlamentari fejn qal, “Nemmen li l-budget irid jirrifletti l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini u jibqa’ jixpruna riformi kredibbli, realistiċi, u li jsibu l-qofol tagħhom fl-interessi nazzjonali, u allura waqt id-diskussjoni, ħareġ il-punt importanti li r-riformi jridu jkunu pjanati u mhux imposti bla diskussjoni.”

Il-Ħidma tal-Gvern fiż-Żmien li Ġej

Fejn jidħlu fondi ewropej, filwaqt li l-pożizzjonijiet ta’ Malta hemm bżonn li jibqgħu jkunu ppreżentati bl-aqwa mod possibbli għal programm li jmiss, il-gvern għandu jżid ir-rankatura tiegħu fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej mill-budget attwali.

Pajjiżna għandu ħafna opportunitajiet permess ta’ dan il-finanzjament li huma ta’ benefiċċju għall-poplu Malti in ġenerali. L-akbar proġett li għaddej bħalissa u li jidher li miexi ġmielu, huwa l-proġett tat-tieni interconnector li qed isir permezz ta’ finanzjanment qawwi minn fondi Ewropej.

Hemm numru ta’ proġetti li t-tlestija tagħhom trid issir sa Awwissu li ġej peress li qed jibbenefikaw mill-fond ta’ rkupru u reżiljenza. Dawn il-fondi huma marbuta kemm ma’ twettiq ta’ proġetti s’Awwissu iżda wkoll ma’ riformi li jridu jiġu mplimentati mill-gvern skond il-pjan li kien ippreżentat fil-bidu ta’ dan il programm.

Finalment, l-impenn fir-rigward ta’ dawn il-proġetti jrid ikun wieħed b’saħħtu biex ikompli jsaħħaħ il-fiduċja li kiseb il-gvern Laburista sa minn 2013 ‘l hawn; li jinkiseb kull ewro disponibbli minn fondi Ewropej, u li jintefaq u jsir investiment f’pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport