“Waqt li jeħtieġ naħdmu biex niżguraw li jkollna l-kapaċità li nagħtu l-aqwa servizz tas-saħħa b’mod universali lill-poplu Malti u Għawdxi u lil dawk li huma eleġibbli għalih, jeħtieġ ma naqgħux fin-nassa li nħarsu biss lejn l-infrastruttura. Dak hu kruċjali u se nkun wieħed minn dawk li naħdem biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lil sptarijiet bħal Karin Grech u St Luke’s. Sptar ġdid f’Għawdex, iżjed infrastruttura fil-kura primarja, it-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei u t-tkabbir ta’ San Vinċenz. Imma ma rridux ninsew li l-akbar investiment irid jibqa’ fil-poplu Malti u Għawdxi, anke b’mod individwali”.
Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Dr Ian Borg fl-ewwel diskors tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa għal din il-leġiżlatura fejn qal li huwa ta’ privileġġ għalih li qed jerġa’ jirritorna fil-Kamra tad-Deputati għar-raba’ darba konsekuttiva filwaqt li din hija wkoll r-raba’ darba tiegħu li qed iservi fil-Kabinett tal-Ministri, u għal darb’oħra b’portafoll differenti minn dak ta’ qablu.
Id-Deputat Prim Ministru tkellem fil-kuntest tad-diskors li għamlet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-ftuħ uffiċjali tal-Parlament dwar il-viżjoni tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, is-Sibt li għadda. Qal li d-diskors tagħha kien jitkellem dwar il-programm tal-Gvern li huwa dak li vvota fuqu l-elettorat.
Huwa semma l-għajnuna liż-żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew dawk li se jkunu qegħdin iwaqqfu startup tagħhom. Fost miżuri oħra semma s-superbonus lill-ħaddiema kollha u l-garanzija għall-anzjani, b’aktar żidiet fil-pensjoni.
Dwar il-qasam tas-saħħa, huwa qal li f’dawn l-aħħar ġimagħtejn iltaqa’ ma’ ħafna tobba, infermiera, carers, paramediċi, spiżjara u ħaddiema oħra f’dan il-qasam. “Spjegawli kif b’ħafna dedikazzjoni huma jwettqu x-xogħol tagħhom ta’ kuljum. F’isem il-Parlament kollu nirringrazzjahom tax-xogħol li jagħmlu,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Dr Borg kompla jgħid li jħares ’il quddiem biex fil-ġimgħat, ix-xhur u s-snin li ġejjin, jaħdem ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba, miż-żewġ naħat tal-kamra u l-poplu sabiex ikun is-saħħa wieħed mill-kejl ewlenin ta’ kemm nifhmu u napprezzaw illi mexa quddiem il-pajjiż tagħna grazzi wkoll għal dak li rnexxielna jsir fuq livell ekonomiku.
“Fl-aħħar mill-aħħar hu kruċjali li l-kwalità tal-ħajja li kienet fiċ-ċentru tad-diskors tal-President tibqa’ objettiv ewlieni fil-ħidma tagħna f’dan il-Parlament u tagħna bħala Kabinett tal-Ministri,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

