Il-Malta FA ppubblikat stqarrija b’referenza għall-artiklu intitolat, “Il-President ta’ Marsaxlokk Frank Cachia jirreżenja minħabba li għandhom kont bankarju miżmum”.
L-istess Assoċjazzjoni espremiet id-diżappunt tagħha li TVM naqas li jieħu l-verżjoni tagħha qabel ma ġie ppubblikat l-artiklu msemmi hawn fuq.
Kif kulħadd jaf u mingħajr dettalji żejda, kull meta jinħareġ mandat ta’ sekwestru l-obbligu tas-sekwestratarju, f’dan il-każ l-MFA, huwa li jiddepożita l-flus lill-Awtoritá tal-Qorti. Dan huwa regolat mil-liġijiet ta’ Malta, fosthom mill-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Il-mandat in kwistjoni nħareġ mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u jmur lura għat-2 ta’ Diċembru 2024.
Dan ġie spjegat mill-MFA lill-president ta’ Marsaxlokk, Frank Cachia, nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2025, u mhux kif ġie indikat fl-artiklu b’mod żbaljat, minn TVM.
U biex ħadd ma jiġi mfixkel mill-veritá, il-Malta FA saħqet li ma tagħmilx parti minn din il-kwistjoni kif ukoll mit-tilwima bejn il-club ta’ Marsaxlokk u partijiet oħra.
Il-Malta FA kienet waħda mill-entitajiet li rċeviet ordni mill-Qorti ta’ Malta, li kellha tiġi rispettata.
Il-Malta FA dejjem ħadmet biex tassisti lill-membri tagħha u bħal kull individwu legali hija soġġetta għall-proċeduri u l-ordnijiet tal-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.