Impjegati mal-kumpanija statali tad-distribuzzjoni tal-ilma tal-Iskozja ħarġu fuq strajk ta’ jumejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar żieda fil-pagi tagħhom. L-unjin ta’ dawn il-ħaddiema wissiet li waqt dawn l-azzjonijiet industrijali tiswijiet ta’ emerġenza u kontrolli dwar il-kwalità tal-ilma ddistribwit lil ħames miljun persuna madwar l-Iskozjja kollha, mhumiex se jsiru.
Aktar minn 1,000 ħaddiema membri tal-unjin “Unison” ħarġu fuq strajk għat-tieni darba dan ix-xahar minħabba kwistjoni li ilha tlum fuq żieda li qegħdin jitolbu fil-pagi tagħhom. Dan wara li m’aċċettawx ftehim li l-unjin qalet li kien żieda ta’ 2.6%. Fir-rigward is-segretarja tat-taqsima tal-“Unison Scottish Water”, Tricia McArthur, spjegat li, “il-ħaddiema tad-distribuzzoni tal-ilma sempliċiment iridu paga ġusta għas-servizzi essenzjali li joffru, servizzi li kull Skoċċiż jiddependi minnhom”.
L-unjin tgħid mod u l-kumpanija mod ieħor…
Min-naħa tagħhom l-iSkottish Water sostnew li mhiex korretta ċ-ċifra kkwotata minn Unison. Insistew li huma fil-verità offrew żieda ta’ 3.4% fil-pagi b’garanzija ta’ żied ta’ €1,630 li tikkwantifika għal żieda ta’ 5.5% għall-ħaddiema bl-inqas pagi.
Peter Farrer, il-kap eżekuttiv ta’ din il-kumpanija qiegħed jinsisti li din il-proposta hija waħda “ġusta u progressiva” fejn żied li, “mhux se joħroġ ebda ġid minn azzjoni industrijali… Il-mira tagħna hija li nkomplu nagħtu servizz lill-miljuni ta’ klijenti tagħna. Għaldaqstant, qegħdin nitolbu biex il-unjins ipoġġu magħna fuq il-mejda tad-diskussjoni malajr kemm jista’ jkun”.
Differenti mill-Ingilterra, is-servizzi tal-ilma fl-Iskozja qatt ma kienu ġew ipprivatizzati. Il-kumpanija statali Skoċċiża qiegħda tinsisti li l-profitti kollha li tiġġenera, li bħalissa huma ta’ madwar €931 miljun fis-sena, imorru direttament f’investimenti fl-infrastruttura li hija sistema ta’ 30,000 mil ta’ pajpijiet mifruxa mal-pajjiż.