Tuesday, December 24, 2024

STRAJKS PARZJALI

Aqra wkoll

Waqt li strajks qawwija qed jinxterdu mal-Ewropa, l-aktar minħabba l-għoli tal-ħajja li qed jinkwieta daqstant ħaddiema u familji, wieħed ikollu bilfors jinnota kemm naqsu l-istrajks f’pajjiżna matul l-aħħar snin.

Tassew li l-aktar ħaddiema li jistgħu jintlaqtu ħażin mill-għoli tal-prezzijiet huma dawk li jinsabu fl-impjiegi l-anqas imħallsa. Dawn qed jinżammu l-aktar minn ħaddiema barranin. M’għandhomx protezzjoni ta’ trejd unjin.

L-aqwa konfronti fostna qed jinqalgħu fis-settur pubbliku l-aktar bi strajks parzjali, jekk dan mod tajjeb kif tiddeskrivi x’jiġri. Waqt li l-ħaddiema jibqgħu jidħlu għax-xogħol, jirċievu direttivi mill-unjin tagħhom biex ma jagħmlux parti mix-xogħol tagħhom. Dan jista’ jipparalizza fejn jaħdmu. Il-ħaddiema li jwettqu l-azzjoni jibqgħu jirċievu l-paga.

Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, azzjonijiet bħal dawn ħolqu kjass. Il-gvern Laburista ma aċċettax dit-tattika. Stqarr li unjin jew tagħmel strajk sħiħ, u allura hu jirrispetta d-dritt tagħha li tagħmel hekk, jew xejn. Dak iż-żmien, it-tattika ta’ strajkijiet parzjali setgħet titmexxa fuq front wiesa’ ħafna.

FINTECH

Qed ikun hemm żviluppi mgħaġġla fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li jsiru bl-internet, l-hekk imsejjaħ fintech. Ditti deħlin f’xogħol li jagħmlu l-banek… jew li l-banek mhumiex ilaħħqu miegħu. U jivvintaw modi ġodda ta’ kif jipprovdulek il-flus li teħtieġ. Qed jissodisfaw b’hekk il-bżonnijiet ta’ ġenerazzjonijiet li mdorrija jinqdew b’mezzi elettroniċi għal kif jirranġaw l-affarijiet għax ilhom iħaddmuhom mit-twelid.

Il-fintech qed jirnexxielhom iħaffu bil-kbir il-mod kif isiru l-pagamenti u kif it-tagħrif kummerċjali jinstab u jintuża. Qed idaħħlu fis-swieq modi ta’ finanzjament li fi ftit ta’ żmien ħolqu revoluzzjoni finanzjarja. Fejn il-banek u istituzzjonijiet oħra tbegħdu mill-konsumatur bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, bihom ditti fintech u simili qed iqarrbu lejh.

E-SCOOTERS

F’Pariġi se jinżamm referendum dwar jekk l-e-scooters għandhomx jitħallew jintużaw. Wieħed jifhem għaliex dan qed isir. Għalkemm joffru diversi vantaġġi fil-mod kif jistgħu jnaqqsu mill-imblokki tat-traffiku, il-mod kif qed jitħaddmu ta’ spiss ħoloq problemi kbar, uħud perikolużi sew. Mhux f’Pariġi biss. Fi Brussell u f’Malta narahom il-ħin kollu.

Hemm il-mod kif jinsaqu — f’direzzjoni kontra f’one-way; bla ebda attenzjoni għal min qed jaqsam il-passaġġi żebras; daqqa jinsaqu fuq il-bankini, daqqa f’nofs triq; jitħallew mitluqa bl-addoċċ f’nofs bankini dojoq; u żgarraturi oħra.

L-iżvilupp tagħhom sar bla ebda gwida jew kontroll. Forsi dik hi l-problema. Mezz li seta’ kien parti minn soluzzjoni għall-problema tat-traffiku fl-ibliet qed jispiċċa jikkontribwixxi ħalli jagħmilha agħar. Sa issa ma jidher li l-ebda belt fl-Ewropa ma hi riesqa lejn mod raġonevoli kif tista’ tiġi trattata dil-kwistjoni.

Ekonomija

Sport