Student tal-mediċina dentali mir-Renju Unit ta’ 20 sena, ġie mixli li weġġa’ gravi raġel ieħor wara ġlieda barra Havana f’Paceville fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħadd.
Saad Adam Khan Raja, li tressaq quddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco b’idu faxxata, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Ispettur Nigel Buhagiar, li mexxa l-prosekuzzjoni, spjega li għall-ħabta tas-1am tal-15 ta’ Novembru, diversi uffiċjali tal-Pulizija li kienu stazzjonati qrib Footloose f’Paceville ġew avviċinati minn persuni li rrapportaw argument u ġlieda barra l-Havana Club.
Il-Pulizija marret fuq il-post u nnutat persuna bi ġrieħi madwar ħalqha, filwaqt li persuna oħra kellha ġrieħi f’idejha.
Sussegwentement, il-ġrieħi tal-vittma ġew iċċertifikati bħala gravi, u dan wassal għall-arrest tal-akkużat.
Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nigel Buhagiar u mill-avukata Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Maġistrat Ingrid Bianco ppresediet is-seduta tat-tressiq tal-akkużi.
