Saturday, October 26, 2024

“Studenti bi mġiba ta’ sfida jingħataw kors dwar l-immaniġġjar tar-rabja”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni b'reazzjoni għall-aggressjoni fl-iskola tan-Naxxar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw dwar każ ta’ aggressjoni minn student fl-iskola medja tan-Naxxar. Il-każ seħħ il-ġimgħa li għaddiet meta student ta’ 12-il sena allegatament aggredixxa student ieħor waqt li kienu qegħdin fil-brejk.

Skont rapporti, is-sitwazzjoni ggravat meta xi għalliema avviċinaw l-istudenti biex jikkontrollaw l-imġiba tagħhom. Dan hekk kif skont rapporti jidher li t-tifel allegatament ħebb ukoll għal tliet għalliema inkwistjoni.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni f’reazzjoni lil Talk.mt qal li jikkundanna kull forma ta’ mġiba intollerabbli, inkluż imġiba ta’ abbuż fiżiku.

Il-Ministeru spjega li f’każi bħal dawn u skont il-proċedura stabbilita, it-Tmexxija tal-iskola tieħu azzjoni immedjata u l-passi immedjati li jkun hemm bżonn, biex tittratta dawn is-sitwazzjonijiet. Dawn jinkludu l-involviment dirett tal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ u l-Kap tal-Iskola fit-teħid ta’ miżuri dixxiplinarji, kif ukoll kuntatt ma’ dipartimenti oħra fosthom is-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal, bl-involviment tat-Tim Psikosoċjali tal-Kulleġġ, l-ischool counsellor u l-guidance teachers. Proċess li matulu jkunu involuti l-ġenituri u/jew kustodja tal-istudent/i. 

L-iskola tieħu ukoll azzjoni immedjata, u studenti b’imġiba ta’ sfida jingħataw kors dwar l-immaniġġjar tar-rabja, l-awtodixxiplina u ħiliet oħra.

B’rabta ma’ dan il-każ, it-Tmexxija tal-Iskola baqgħet tissorvelja kontinwament is-sitwazzjoni. Każ li fih kienu involuti l-istudenti bejniethom. Il-Ministeru m’għandu l-ebda rapport li għalliema li ħadu azzjoni biex iferrqu l-istudenti involuti, ġarrbu ġrieħi waqt dan l-inċident. Il-Pulizija ma kinitx involuta f’dan il-każ.

“L-għalliema għandhom jingħataw kull sapport huma u jindirizzaw din it-tip ta’ mġiba”

L-Union tal-Ħaddiema (MUT)

Intant f’reazzjoni għar-rapporti li dehru fil-midja b’rabta ma’ dan il-każ, l-Union tal-Għalliema (MUT) appellat lill-Ministeru konċernat biex joffri s-sapport kollu tiegħu lill-iskola u għalliema oħrajn li qegħdin jippruvaw jindirizzaw din it-tip ta’ imġiba li ċertament m’għandiex tkun aċċettabbli. 

“L-Union tikkundanna kull forma ta’ aggressjoni u se tibqa’ tassisti lill-edukaturi”, temmet tgħid fl-istqarrija tagħha l-MUT.

Sport