Saturday, December 21, 2024

Studenti tal-ITS b’wirja ta’ kejkijiet tat-tiġijiet u skulturi magħmula miċ-ċikkulata

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-opportunitajiet speċjalment għal dawk li se jagħżlu l-linja tal-pastry mogħtija mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) joffru spazju fejn wieħed jista’ juri l-kreattività u jiftħu bibien ġodda għal min ikun se jaħdem f’dan is-settur. “

Dan qalu l-kok u lettur Jimmy Aquilina f’intervista li kellu ma’ dan is-sit, hekk kif fl-aħħar jiem grupp ta’ studenti tal-ewwel sena li qegħdin jistudjaw l-Arti Kulinarja ngħaqdu flimkien sabiex jiddisinjaw u joħolqu skulturi bl-użu taċ-ċikkulata u kejkijiet tat-tiġijiet.

Aquilina beda biex li din l-attività qiegħda ssir bħala parti mill-istudju tal-istudenti. Qalilna li l-istudenti, li l-maġġorparti tagħhom għadhom fl-ewwel sena tal-kors, ġew assenjati f’pari fejn kull grupp għażel tema partikolari. Kemm il-kejkijiet kif ukoll l-iskulturi kellhom stil varjat: minn dak tradizzjonali sa stil modern, fosthom kejk bit-teknika tal-marble u skultura taċ-ċikkulta forma ta’ dragun.

Irrimarka li l-idea wara dan kollu, kienet sabiex l-istudenti jidħlu aktar fid-dettall, f’xi ħaġa li hija kompletament differenti mill-pastry. Huwa stqarr li kien hemm xi studenti li ħassew dan bħala sfida hekk kif huma mdorrijin aktar jagħmlu ikel tal-kċina milli dak tal-ħelu, li ngħiduha kif inhi teħtieġ iktar reqqa u attenzjoni.

Mistoqsi dwar il-kors li huwa jgħallem, Jimmy qalilna li dan it-tip ta’ Degree huwa imqassam fuq tliet snin u li fl-ewwel sena, l-istudenti jistudjaw kif jagħmlu tipi ta’ ikel differenti ġewwa l-ITS. Wara l-ewwel sena, l-istudenti jkolhom opportunità li jsiefru barra minn Malta biex jagħmlu sena ta’ studju.Eventwalment, fit-tielet sena l-istudenti jerġgħu jinżlu hawn Malta u fl-aħħar tal-kors isir l-eżami finali.

Dwar is-settur tal-ospitalità, Aquilina iddeskrivieh bħala settur li jġib miegħu ċertu sfidi. Dan għaliex ġieli jkollok sitwazzjonijiet fejn tkun mhux biss diffiċli li ssib xogħol, iżda anke biex issib nies li jridu jaħdmu fih. Żied jgħid li huwa għalhekk li l-ITS joffri opportunitajiet bħal dawn, sabiex l-istudenti nnifishom jkunu sodisfatti b’dak li jkunu tgħallmu matul is-sena.

Qallna wkoll; “L-ITS qed toffri dawn it-tip ta’ korsijiet biex l-istudenti jkunu aktar involuti u jkunu jafu iktar x’se jsibu fid-dinja tax-xogħol tagħhom. Aħna kemm jista’ jkun nimxu ma’ dik il-linja iġifieri, mhux li nibqgħu kif konna ftit tas-snin ilu. Se nkomplu nevolvu u nimxu mal-linja li hi miexja llum-il ġurnata”.

Dak li ħolqu l-istudenti jinsab għall-wiri fil-kampus tal-ITS f’Ħal Luqa, xhieda tal-kreattività artistika u l-ħiliet metikolużi u dekorattivi tagħhom.

Għaldaqstant, dawk minnkom li tinteressakom il-linja tal-ħelu u/jew l-arti kulinarja, l-ITS qed tistedinkom biex iżżuru l-kampus tagħhom f’Ħal Luqa sal-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju (esklużi s-Sibt u l-Ħadd) fil-ħin ta’ bejn id-9.00 a.m. u t-3.00 p.m. biex tgawdu din l-esebizzjoni.

Ekonomija

Sport