Tuesday, December 24, 2024

Studji ġodda juru li l-Omicron aktar jaffettwa l-ġriżmejn milli l-pulmun

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Studji ġodda reġgħu indikaw li hemm inqas probabbiltà li l-varjant Omicron jagħmel ħsara lill-pulmun. Sitt gruppi ta’ riċerkaturi sabu li din il-verżjoni riċenti tal-virus timmultiplika aktar fil-ġriżmejn u ma tmarradx daqstant lil dak li jkun.

Evidenza akbar qiegħda turi li l-varjant Omicron jinxtered aktar faċilment iżda huwa inqas fatali mill-verżjonijiet preċedenti. Sitt studji li erbgħa minnhom saru qabel lejl il-Milied sabu li l-Omicron ma jagħmilx ħsara fil-pulmun daqs id-Delta. Dawn l-istess studji għad iridu jiġu analizzati minn xjenzati oħra. 

“Ir-riżultat tal-mutazzjonijiet li jagħmlu l-Omicron differenti mill-predeċessuri tiegħu wassal biex bidlitlu l-fakultà li jinfetta ċelloli differenti,” spjega Deenan Pillay, professur tal-viroloġija fl-Università ta’ Londra. 

Huwa qal li jekk il-virus jipproduċi aktar ċelloli fil-ġriżmejn dan iwassal biex jittieħed aktar malajr u għaldaqstant hekk għandna r-risposta għala l-Omicron infirex tant f’qasir żmien. Min-naħa l-oħra, ‘virus li huwa kapaċi jinfetta t-tessuti tal-pulmun huwa potenzjalment aktar perikoluż iżda ma jinxteridx faċilment”.

Riċerkaturi mill-Università ta’ Liverpool speċjalizzati fuq studji dwar il-viruses, riċentement ippubblikaw studju li juri li l-Omicron “jikkawża mard inqas serju” fil-ġrieden. L-istess studju wera li l-ġrieden infettati bl-Omicron ma tilfux ħafna piż, kellhom inqas sintomi u esperjenzaw inqas pnewmonja.

Il-Professur James Stewart qal li dan l-istudju huwa parti minn għadd kbir ta’ informazzjoni li qiegħda tinġabar. “S’issa jidher li l-Omicron jgħaddi aktar malajr u din hija aħbar tajba. Minkejja dan,” huwa wissa li, ‘m’għandniex innaqqsu mill-prekawzjonijiet li nieħdu minħabba li jekk inti persuna vulnerabbbli l-konsewenzi xorta jistgħu jkunu serje għax hemm imwiet kawża tal-Omicron”.

Ekonomija

Sport