Tuesday, April 30, 2024

“Min iħaddem għandu jkollu d-deċiżjoni li ma jaċċettax ħaddiema li ma jitlaqqmux”

Aqra wkoll

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, fuq il-programm TVAM esprimew il-ħsieb tagħhom li t-tilqim għandu jkun mandatorju għall-ħaddiema kollha.

Fuq il-programm, Farrugia nnota kif bil-miżuri mħabbra kontra l-pandemija fl-aħħar ġimgħat mill-Ministru Fearne u li se jidħlu fis-seħħ dan ix-xahar se jkomplu jagħtu importanza lit-tilqim. Dan hekk kif skont dawn il-miżuri li se jidħlu fis-seħħ mis-17 ta’ Jannar, wieħed ma jistax iżur ċertu stabbilimenti mingħajr ċertifikat tal-vaċċin. Fearne kien qal li sa din id-data l-maġġoranza li se jesprimu x-xewqa li jitlaqqmu se jkunu għamlu dan u se jinħarġilhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin biex ikunu jistgħu jagħmlu ċertu attivitajiet li dawk li ma jkollhomx mhux se jkunu permessi jagħmlu jew jattendu għalihom.

Farrugia qabel dawn il-miżuri mal-attività fuq il-post tax-xogħol u qal li għalhekk tagħmel sens li biex persuna tattendi fiżikament fuq il-post tax-xogħol jeħtieġ li tkun imlaqqma biex tħares saħħitha u ta’ dawk ta’ madwarha. Żied jgħid li kull ħaddiem għandu dritt li ma jiħux it-tilqima tal-booster, imma dawn il-persuni m’għandhomx jitħallew jattendu fuq il-post tax-xogħol.

Min-naħa tagħha Marisa Xuereb kompliet fejn ħalla Farrugia u qalet li d-deċiżjoni hija f’idejn min iħaddem għax dawn ikunu konxji aktar dwar ir-riskju tal-firxa tal-pandemija anke skont l-ambjent ta’ fejn jaħdmu.

Sport